Floriana bdew jaħdmu mill-ewwel biex isaħħu l-iskwadra tagħhom għall-istaġun li ġej hekk kif ħatru lil Vincenzo Potenza bħala l-kowċ tagħhom. Potenza ġibed l-attenzjoni fl-ewwel esperjenza tiegħu f’dan l-istaġun hekk kif mexxa lil Senglea biex salvaw posthom għat-tieni parti tal-kampjonat. Potenza kien ingħaqad ma’ Senglea f’Settembru li għadda wara li t-tim tal-Isla kien tilef l-ewwel tliet logħbiet tal-kampjonat fejn ma kinux skorjaw gowl u sofrew tmienja.
It-tim ta’ Senglea fl-ewwel rawnd kien dgħajjef wisq u Potenza prova jnaqqas id-danni iżda meta t-tim issaħħaħ għat-tieni rawnd, Potenza seta’ juri l-kwalità tiegħu hekk kif minn erba’ punti fl-ewwel rawnd, kisbu 22 punt fit-tieni rawnd u minbarra li salvaw posthom fil-Kampjonat Premier, evitaw il-play-off u spiċċaw fl-10 post. Il-kowċ Taljan jinsab nominat fil-kategorija tal-aqwa kowċ fl-MFA Awards flimkien mal-kowċ ta’ Hibernians Stefano Sanderra u Giovanni Tedesco ta’ Ħamrun Spartans.
Fl-ewwel kumment tiegħu, Potenza qal li ħassu onorat meta ġie avviċinat mill-President ta’ Floriana Riccardo Gauci. Hu żied li jinsab preparat u kommess li jtejjeb lil Floriana. Hu rringrazzja lil Gaucci talli emmen fl-abbiltà tiegħu.
Floriana kellhom staġun diżappuntanti hekk kif spiċċaw fit-tmien post bi 32 punt u bidlu tliet kowċis tul l-istaġun. Nicolas Chiesa beda jmexxi lit-tim u wara żewġ logħbiet tneħħa biex ħa postu Luis Oliveira. Lejn nofs Novembru wara r-rebħa kontra Mosta, Oliveira tkeċċa biex inħatar Guido Ugolotti. Il-kowċ Taljan mexxa lit-tim sal-aħħar tal-istaġun fejn kellhom serje ta’ prestazzjonijiet sodisfaċenti.
//= $special ?>