Futbol Sport

Żewġ gowls lejn it-tmiem jagħtu l-Coppa Italia lil Lazio għas-seba’ darba

Sergej Milinkovic-Savic jiskorja l-ewwel gowl (Ritratt: EPA)

Gowl fl-aħħar għaxar minuti rebbaħ il-Coppa Italia għas-seba’ darba lil Lazio wara li fi Stadio Olimpico għelbu lil Atalanta 1-0. Kien proprju l-midfielder Sergej Milinkovic-Savic li skorja l-gowl tar-rebħa, plejers li ma kienx 100% u riċentament kien anki kritikat mill-partitarji tiegħu minħabba l-prestazzjonijiet tiegħu.

Lazio kellhom staġun diżappuntanti iżda r-rebħ ta’ dan l-unur mhux biss isalva l-istaġun iżda wkoll jassigurahom minn post fl-Europa League l-istaġun li ġej. Dan kien il-ħames unur kemm ilu President Claudio Lotito kif ukoll ifisser li Simone Inzaghi sar it-tieni l-aktar kowċ li rebaħ unuri fl-istorja ta’ Lazio. Għal Atalanta dan kien diżappunt fi staġun pożittiv u b’hekk baqgħu jistennew l-ewwel unur tagħhom mill-1963. Atalanta xorta għandhom ċans li jilagħbu fl-Ewropa hekk kif bħalissa jinsabu fir-raba’ post fil-klassifika.

Lucas Leiva mar viċin fit-23 minuta b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra. Tliet minuti wara, Atalanta kellhom okkażjoni tad-deheb li jmorru minn fuq b’xutt ta’ Marten de Roon li ħabat mal-wieqfa, l-azzjoni kompliet b’taħwida fil-kaxxa, bix-xutt finali ta’ Duvan Zapata jgħaddi ftit barra, f’azzjoni li b’xi mod Lazio ħelsuha ħafif.

Atalanta ħolqu l-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima fid-49 minuta meta Duvan Zapata għadda lejn Timothy Castagne iżda x-xutt tiegħu kien salvat f’darbtejn minn Thomas Strakosha. Fid-69 minuta, Lazio ħolqu okkażjoni tajba b’Luis Alberto jgħaddi vertikalment fil-kaxxa lejn Joaquin Correa, iżda hekk kif kien se jikkonkludi Jose Palomino blokka b’daħla fil-ħin. Atalanta laqtu l-lasta fis-76 minuta b’kross-xutt ta’ Alejandro Gomez li ħabat mal-lasta.

Il-gowl importani wasal fil-81 minuta b’korner mix-xellug ta’ Lucas Leiva jsib lil SERGEJ MILINKOVIC-SAVIC li għola tajjeb u minn pożizzjoni tajba għeleb lil Pierluigi Gollini b’daqqa ta’ ras preċiża. Atalanta tefgħu kollox fuq l-attakk fl-aħħar minuti u tilfu d-dixxiplina tattika. Fis-86 minuta kien Gollini li salva tajjeb fuq Correa wara azzjoni tajba fuq ix-xellug. Iżda Atalanta spiċċaw sofrew it-tieni gowl fid-90 minuta.

Felipe Caicedo għolla l-ballun quddiem u spiċċa f’kontrattakk, b’JOAQUIN CORREA l-ewwel qabeż lil Remo Freuler, evita lill-gowlkiper Gollini u b’xutt b’saħħtu għalaq il-logħba minkejja t-tentattiv fuq il-linja ta’ Gosens. Atalanta setgħu daħlu fil-logħba fl-94 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Alejandro Gomez li spiċċa ftit barra.