Il-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat li jsalva x-xogħol u t-tradizzjonijiet Maltin, fl-istess waqt li jiggarantixxi d-dinjità tal-ħaddiema; jaħdmu liema xogħol jaħdmu.
Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li l-Ħams żar il-lokalità ta’ Ħal Tarxien fejn fost oħrajn kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ diversi ħaddiema tal-id – akkumpanjat minn kandidati u deputati Nazzjonalisti.
“Tkellimna u ħadt pjaċir ukoll ma’ ħaddiem tal-id, li Joseph Muscat għalih hu tat-tieni klassi. Ħaddiem li qed jgħidilna li n-negozji bħal tiegħu, it-talent, kulturà u artiġġjanat Malti ħadd mhu jagħti kasu,” ifakkar Adrian Delia f’kummenti lil dan is-sit.
L-impenn tagħna li dawn in-negozji żgħar, partikolarment ukoll mhux biss dawk li jaħdmu bil-moħħ imma wkoll l-id, mhux biss intuhom id-dinjità u r-rispett imma wkoll l-inċentivi ħalli dak li hu talent Malti ma nitilfuhx.
Ħal Tarxien hi lokalità li fiha wkoll diversi ħwienet ta’ daqs żgħir, li wkoll għandhom bżonn is-sostenn, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista li żar lil dawn in-negozji u tkellem mas-sidien. “Tkellimna ma’ diversi negozji, bħal dejjem, u dak li qed nisimgħu fit-triq mhux dak li qed jgħid il-Gvern. Hemm ħafna negozji żgħar li qed ibatu, li qed isofru, li qed jagħmlu minn kollox biex imqar jaslu li jħallsu l-ispejjeż li mgħobbijin bihom.”
Għall-kuntrarju, il-Gvern iktar impenjat fuq f’kampanja biex jirriklama lilu nnifsu fuq kollox u fuq kulħadd.
“Ħal Tarxien fejn il-Gvern għal darb’oħra tana eżempju li jaħtaf dak li hu tal-lokalità, tal-Kunsill biex jieħu l-pubbliċità li jemmen fiha,” stqarr Adrian Delia, li nnota li beda proġett fuq il-pavimentar taz-zuntier u tal-pjazza “pero l-Gvern lanqas biss jindenja jistieden lill-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista għall-konferenza tal-aħbarijiet ħalli jaħtaf hu u jieħu l-kredtu hu biss li ġej minn fondi tal-poplu tagħna, mit-taxxi tagħna, imma jidher qisu qed jagħmel xi ħaġa hu bi ħniena.”
F’din il-lokalità l-Gvern saħansitra ħoloq kaos, meta bla pjan bħal f’ħafna affarijiet oħra, ma għamel l-ebda intervent sakemm waslet l-elezzjoni.
“Ġewwa din il-lokalità f’erba’ snin u nofs ma sar ebda xogħol ta’ toroq u issa f’daqqa waħda, għax ovjament tkun ġejja l-elezzjoni, xogħol kullimkien, jaqilgħu it-toroq kollha biex jagħtu l-impressjoni li jridu jagħmlu xi ħaġa. Bid-differenza imma li meta ssir xi ħaġa mingħajr pjan spiċċa kien hawn nies li nqabdu fi djarhom ma jistgħux joħorġu,” iddikjara Adrian Delia.
Madankollu l-Partit Nazzjonalista impenjat li jaħdem mod ieħor u jsaħħaħ lill-Kunsilli Lokali flok jaħtaf il-poter u jħallihom bla fondi u bla saħħa, b’Adrian Delia li ħa impenn li “l-Kunsilli Lokali tagħna huma ir-rappreżentattiva tan-nies tagħna, li nemmnu fihom fil-lokalitajiet.”
Adrian Delia rringrazzja wkoll lill-Kunsilliera Nazzjonalisti f’din il-lokalità, u lil dawk li għażlu joħorġu għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fil-lokalità, li ma beżgħux jidħlu għal din l-isfida minkejja li hemm min irid jipprova jagħlqilhom ħalqhom għax jinsabu f’minoranza. Dan għax jemmnu li l-ħidma tagħhom tista’ tkun ta’ ġid għar-residenti u l-lokalità.
//= $special ?>