Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid pjan serju u azzjoni konkreta dwar l-immigrazzjoni

Insaħħu l-fruntieri għal aktar sigurtà

“Il-wegħda tagħna fl-immigrazzjoni hija ċara: inkunu ġusti ma’ dawk li jixirqilhom protezzjoni, sodi ma’ dawk li m’humiex eliġibbli, u ħorox ma’ dawk li qed jinqdew b’nies li huma vulnerabbli.”, hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, l-MEP u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Carm Mifsud Bonnici qal li l-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ favur id-drittijiet fundamentali tan-nies, u jrid jassigura li f’Malta jkun hawn immigrazzjoni bil-għaqal, bi pjan u li tkun ta’ ġid għall-pajjiż. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista, bl-impenn u l-kredibilità tiegħu, jista’ jġib ir-riżultati mill-Parlament Ewropew.

Roberta Metsola spjegat kif il-liġi li nnegozjat b’suċċess fil-Parlament Ewropew, se twassal biex jiżdiedu b’10,000 l-uffiċjali li jkunu fuq il-fruntiera tal-Ewropa li jassiguraw li jitwaqqaf il-kutrabandu u kull tip ta’ attività kriminali oħra. “Assigurajna wkoll proċess effiċjenti biex persuni li m’humiex eliġibbli għall-protezzjoni jintbagħtu lura fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, u dan skont id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna,” spjegat Roberta Metsola. Hija qalet li fir-rwol tagħha bħala Kordinattriċi tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat responsabbli mill-liġijiet b’rabta mas-sigurtà, mal-immigrazzjoni, mas-saltna tad-dritt u mal-libertajiet ċivili, innegozjat diversi liġijiet li jindirizzaw dawn it-temi. “Fil-manifest elettorali tiegħu, l-Partit Nazzjonalista qed jimpenja ruħu li jaħdem biex ikun hemm solidarjetà tanġibbli bejn l-Istati Membri, li għandha tieħu l-forma ta’ rilokazzjoni obbligatorja tal-immigranti minn pajjiżna.

Frank Psaila qal li l-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq pjan serju dwar l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema barranin lejn pajjiżna u azzjoni konkreta dwar l-immigrazzjoni irregolari. Dwar din, il-Gvern falla u għalhekk se nkomplu ninsistu li tiġi indirizzata fuq livell Ewropew. Frank Psaila qal li l-Partit Nazzjonalista, fil-Parlament Ewropew, kif ukoll fil-Parlament Malti, se jibqa’ jinsisti mal-Gvern Malti biex jintroduċi pjan serju għall-integrazzjoni tal-ħaddiema barranin li jgħixu f’pajjiżna. “In-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni bla rażan diġà qed ikollu impatt qawwi fuq l-ambjent, l-infrastruttura, t-traffiku, l-kirjiet għoljin, il-pagi baxxi, l-edukazzjoni u s-saħħa fost l-oħrajn,” qal Frank Psaila.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carm Mifsud Bonnici, l-MEP u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila kien hemm preżenti wkoll is-Sindku u kandidata għall-elezzjoni lokali fin-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami u l-kandidat għall-elezzjoni lokali fil-Mellieħa Marvin Abela.