Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku Laburista ta’ Ta’ Sannat akkużat b’nuqqas ta’ accountability minn sħabu stess

Siltiet mill-ittra ppreżentata lill-Kunsill ta' Ta' Sannat minn Kunsilliera Laburista

F’laqgħa mqanqla li saret fil-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat Għawdex, is-sindku Laburista Philip Vella ġie akkużat minn kunsilliera tal-Partit Laburista stess dwar nuqqas ta’ accountability tul din l-amministrazzjoni.

Il-kunsilliera Maria Cassar Sultana poġġiet ittra iebsa ta’ tliet paġni fuq il-mejda tal-Kunsill fejn għamlet numru ta’ mistoqsijiet fost l-oħrajn dwar għaliex ċertu xogħlijiet li kellu jagħmel il-Kunsill baqgħu ma sarux, uħud minnhom għaliex intqal li ma kienx hemm fondi.

Iżda Sultana xeħtet ukoll dubji serji dwar l-accountability tas-sindku Philip Vella fejn fost l-oħrajn tistaqsi x’kien il-mottiv ta’ għadd ta’ żjarat li għamel is-sindku f’Montefiascone li miegħu għandu ġemellaġġ ir-raħal ta’ Ta’ Sannat.

Filfatt jidher li s-sindku vvjaġġa diversi drabi lejn dan ir-raħal fiċ-ċentru tal-Italja bi spejjeż tal-kunsill iżda dwar dawn iż-żjarat, il-kunsilliera ftit li xejn għandhom informazzjoni.

Sultana qajjmet diversi punti oħra. Fosthom staqsiet għalfejn inħass il-ħtieġa li jinkrew tliet bands biex idoqqu fil-Wine Festival li se jsir fil-lokalità nhar is-Sibt propju meta hemm il-finali tal-Eurovision Song Contest. Hi tistaqsi kemm se jiswew dawn il-bands u kienx hemm għalfejn tliet bands meta hu ovvju li dakinhar in-nies se jkunu moħħhom fil-Eurovision.

Biex tkompli tikkomplika l-affarijet, fi tmiem il-laqgħa, ġew ippreżentati l-kontijiet tal-Kunsill u ma’ dawn il-kontijiet kien hemm kont ta’ €500 għal servizz ta’ trasport bejn ir-raħal u l-ajruport u lura b’rabta ma żjara organizzata mill-Kunsill lejn Montefiascone. Din iż-żjara kienet organizzata mill-Kunsill iżda l-ħlasijiet ma kienux f’idejn il-kunsill.

Dan il-kont irrabja ħafna lil-Kunsilliera kollha inkluż dawk Laburisti li minnufih ivvutaw kontra l-ħlas sta’ dan il-kont, bis-sindku jispiċċa f’pożizzjoni li jkollu jħalli l-kont pendenti.

Sadanittant, ir-residenti ta’ Ta’ Sannat baqgħu jistennew li jsiru xogħlijiet li l-Kunsill kien wiegħed u li ma sarux hekk kif intqalilhom fost l-oħrajn li ma kienx hemm fondi biex isiru.