Lokali

Matteo Salvini jagħlaq il-portijiet Taljani – 65 persuna maqbuda fuq il-baħar

Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Intern fl-Italja, Matteo Salvini għalaq il-portijiet Taljani hekk kif 65 immigrant jinsabu maqbuda fl-ibħra Libjani.

L-immigranti jinsabu abbord is-Sea Watch 3 fejn fost oħrajn hemm 11-il mara, persuna b’diżabbiltà, żewġ trabi, ħamest itfal taħt l-eta’ kif ukoll tmien minuri li mhux akkumpanjati mill-ġenituri.

Malli seħħ is-salvataġġ, is-Sea Watch avżat lill-awtoritajiet Olandiżi, Maltin u Taljani, iżda r-risposta ta’ Salvini kienet pronta meta għalaq il-portijiet u ffirma digriet li permezz tiegħu l-bastiment lanqas biss jista’ jersaq lejn l-ibħra Taljani.

Is-salvataġġ, 30 mil nawtiku ‘l barra mil-Libja, seħħ biss erbat ijiem wara li s-Sea Watch 3 kien rilaxxat b’deċiżjoni tal-Qorti fl-Olanda, wara li l-Ministeru tat-Trasport Olandiż kien imblukkah.