Lokali Saħħa

Pazjenti fil-passaġġi u ħaddiema taħt pressjoni

Bla privatezza ta’ xejn, bin-nies kontinwament għaddejin minn maġenbhom, u mingħajr ma jistgħu jistrieħu sew, issa huma għexieren il-pazjenti fuq sodod u stretchers fil-kurituri fl-isptar Mater Dei, fosthom fl-Observation Ward 1A, fl-MIU, fl-MITU, fil-Paediatrics corridor u saħansitra fl-Emerġenza.

Sitwazzjoni li qegħda kull ma jmur tiddeterjora hekk kif il-Gvern qed ikompli juri kemm ma kellux pjan maħsub għaż-żieda qawwija u f’daqqa fil-popolazzjoni.

Din is-sitwazzjoni, li issa ilha x-xhur tippersisti, ma jidhirx li se titjieb fiż-żmien li ġej, minkejja li dan iż-żmien tas-sena mhux meqjus bħala wieħed li normalment jara xi numri ikbar mis-soltu ta’ pazjenti rikoverati, bħal ngħidu aħna, fl-istaġun tal-influwenza.

It-tobba, l-infermiera u l-ħaddiema l-oħra tal-isptar qed ikollhom pressjoni kbir fuqhom hekk kif iridu jlaħħqu ma’ aktar pazjenti li la hemm riżorsi infrastrutturali u lanqas umani biex ilaħħqu magħhom kif suppost, b’riżultat li għadd ta’ ħaddiema mediċi qed jispiċċaw ibatu minn burnout.

Dan apparti l-fatt li minkejja l-isforzi ġenwini ta’ dawn il-ħaddiema, is-servizz li qed jingħata lill-pazjenti qed ikun limitat biex jippruvaw ilaħħqu ma’ kulħadd.

In-nuqqas ta’ ppjanar li qed joħloq problemi fl-akkomodazzjoni, fl-edukazzjoni u f’diversi oqsma oħra, qed iħalli effetti xejn pjaċevoli anke fil-qasam tas-saħħa – qasam li pajjiżna fl-aħħar snin kien jeċċella fih iżda li issa qed ibati l-effetti ta’ Gvern li ma jippjanax u li moħħu biss biex iżid l-ekonomija bin-numri, u li ma kienx kapaċi jifrex is-surplus biex il-Maltin u l-Għawdxin igawdu minn servizz mediku aħjar.