“Se nibqgħu niddefendu lil Malta biex nibqgħu niddeċiedu aħna fuq it-taxxa fl-aħjar interess tal-impjiegi u l-ekonomija tagħna u dan meta Frans Timmermans u s-Soċjalisti Ewropej iridu jimponulna huma fuq it-taxxa b’detriment għal pajjiżna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attivita’ politika bit-tema Flimkien għal Pajjiżna f’Birkirkara.
Dr Delia qal li Frans Timmermans u s-Soċjalisti Ewropej bil-wegħda li għandhom fil-manifest tagħhom iridu jneħħulna s-saħħa li niddeċiedu aħna dwar it-taxxa tagħha. Huwa qal li s-Soċjalisti Ewropej qegħdin jheddu s-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna li jikkonsisti fi 12% tal-GDP. “Dan il-Gvern qed jipperikola 27,000 impjiegi fis-setturi tas-servizzi finanzjarji u l-gaming. L-ewwel, il-Gvern Soċjalista immina r-reputazzjoni tajba li tant ħdimna għaliha bħala pajjiż, u issa, il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżna qegħda f’riskju li ssir tax haven, wara li konna poġġejna lil Malta bħala ċentru tal-eċċellenza.” qal Adrian Delia.
Huwa spjega kif is-Soċjalisti, permezz tal-kandidat tagħhom għal President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, iridu jeqirdu dawn is-setturi f’Malta. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jagħti garanzija li jikkonvinċi lill-Ewropej li dak li jridu s-Soċjalisti hi taxxa kontra Malta u li se tkisser l-ekonomija Maltija.
Adrian Delia qal li l-kanċer mhux materja ta’ politika partiġġjana, imma ma nistgħu qatt naċċettaw li wieħed minn kull erba’ Maltin u Għawdxin imutu qabel iż-żmien minħabba l-kanċer. Ejjew nagħmlu ġlieda flimkien. Minflok nattakkaw lil xulxin, ejjew naħdmu ma’ xulxin. Ejjew ningħaqdu bħala poplu biex niġġieldu mhux l-għajnejn u s-snien imma kontra għadu tagħna lkoll: il-kanċer.
Ejjew inkunu ta’ eżempju fl-Ewropa u nuru li nistgħu ninsew il-politika partiġġjana, u ningħaqdu bħala poplu flimkien. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN mhux se jieqaf jitkellem dwar il-kwistjoni tal-abort, u dan minkejja li Joseph Muscat għamel minn kollox biex jgħalaq ħalq il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament.
“Irridu vuċi b’saħħitha, u jekk il-Prim Ministru veru jrid jiddibatti, għada għandu jiġi fuq l-istazzjon nazzjonali f’Xarabank. Jien se nistennih, għax irrid nitkellem f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, u rrid nitkellem għal dik it-tarbija li m’għandiex vuċi,” qal Adrian Delia. Adrian Delia qal li 90% tal-ħatriet li saru mill-Gvern Soċjalista saru b’nepotiżmu. “Il-ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tidher li qed issir,” qal Adrian Delia li spjega li l-mod kif il-Prim Ministru qabad u għalaq il-Parlament hi xi ħaġa li ssir f’dittatorjat.
Huwa qal li l-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti li ma jippubblikax ir-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja meta l-Qorti ddikjarat li l-kontenut tar-rapport huwa ta’ interess u importanza nazzjonali. “F’dawk l-1,400 paġna hemm kliem li ma jgħoddux għall-Partit Laburista. X’qed jaħbi Joseph Muscat?” staqsa Adrian Delia.
//= $special ?>