Mijiet ta’ persuni u studenti li matul is-snin li ħadu jew qed jieħdu t-tagħlim tagħhom fil-Kulleġġ De La Salle, l-Erbgħa attendew għal quddiesa organizzata fil-Kulleġġ biex jiċċelebraw it-300 sena mill-mewt ta’ Jean Baptiste de La Salle.
Jean Baptiste hu l-fundatur tal-istess Kulleġġ u komunità Kattolika li miet fis-7 t’April tal-1719 u li matul ħajtu fost oħrajn waqqaf l-Istitut tal-Aħwa tal-Iskejjel tal-Knisja u sar magħruf bħala l-fundatur tal-Iskejjel tal-Knisja. Dan wara li għal snin twal iddedika ħajtu għall-edukazzjoni, b’mod speċjali t-tfal foqra fi Franza.
Għall-ħidma u d-dedikazzjoni tiegħu lejn l-edukazzjoni, il-Knisja Kattolika għażlitu bħala l-Qaddis protettur tal-għalliema taż-żgħażagħ.
F’pajjiżna, il-Kulleġġ De la Salle twaqqaf f’Novembru tal-1903 iżda fl-1940 sofra ħsarat strutturali kbar kawża tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Kien fl-1966 imbagħad li nfetħet is-sixth form bi sħab bejn il-Kulleġġ De La Salle u l-Kulleġġ Stella Maris tal-Gżira.Madankollu, fis-sena skolastika 1983/84 il-Kulleġġ kellu jagħlaq minħabba l-kriżi politika u n-nuqqas ta’ qbil bejn il-Knisja u l-Gvern Socjalista ta’ dak iż-żmien.
//= $special ?>
