Futbol Sport

Allegri se jħalli lil Juventus fi tmiem l-istaġun

Massimiliano Allegri mhux se jibqa’ fit-tmexxija ta’ Juventus hekk kif jintemm dan l-istaġun, biċ-champions Taljani ħabbru l-aħbar fuq is-sit uffiċjali tagħhom. L-ispekulazzjoni dwar il-futur ta’ Allegri feġġew wara li Juventus kienu eliminati minn Ajax fil-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League. Iżda dakinhar, il-President tal-klabb Andrea Agnelli kien ikkonferma li Allegri se jibqa’ fit-tmexxija.

F’dawn il-jiem kien hemm diversi laqgħat bejn Allegri u Agnelli fejn jidher li dawn il-laqgħat ħolqu diverġenzi bejn it-tnejn dwar il-futur tal-klabb f’termini ta’ tisħiħ tal-iskwadra. Għada fis-2.00pm mistennija ssir konferenza stampa fl-Allianz Stadium fejn se jitkellmu Allegri u Agnelli biex jagħtu aktar dettalji.

Allegri kien ilu fit-tmexxija ta’ Juventus għal ħames staġuni u mexxa lit-tim għar-rebħ ta’ ħames kampjonat, erba’ Coppa Italia u darbtejn is-Supercoppa Italiana. Taħt it-tmexxija tiegħu, Juventus waslu darbtejn sal-finali tal-UEFA Champions League iżda ħarġu telliefa fiż-żewġ okkażjonijiet. Hu rebaħ 71% tal-logħbiet kemm dam imexxi lil Juventus.