Rispett reċiproku bejn iż-żewġ kowċis iżda finalment għada se jkun hemm rebbieħ. Balzan u Valletta se jiltaqgħu għall-ewwel darba fil-finali tal-FA Trophy hekk kif it-tnejn qed ifittxu li jilħqu tragward importanti fil-klabb rispettiv. Balzan għadhom qed ifittxu l-ewwel unur fl-istorja tagħhom u se jilagħbu l-finali tal-FA Trophy għat-tieni darba wara li kienu tilfu bil-penalties kontra Sliema fl-2016. Valletta fuq in-naħa l-oħra se jilagħbu t-28 finali tal-FA Trophy u qed ifittxu l-15-il suċċess fil-kompetizzjoni li tfisser ukoll it-tieni doppjetta konsekuttiva, xi ħaġa li għamluha Ħamrun fis-snin 80.
Gilbert Agius, kowċ ta’ Valletta, qal li “din il-logħba hi opportunità għal dawn il-plejers li jnaqqxu isimhom b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-klabb.” Hu tenna l-kuntentizza tiegħu li laħqu l-akbar objettiv tagħhom bir-rebħ tal-kampjonat u kompla li fl-aħħar żewġ logħbiet it-tim lagħab mingħajr pressjoni.
Il-kowċ ta’ Balzan Jacques Scerri saħaq li jinsabu onorati li waslu sal-finali u jittama li jiksbu l-ewwel unur fl-istorja tal-klabb li hu t-tragward tal-plejers u l-istaff tekniku.“ Aħna ħa nagħmlu l-almu tagħna. Nirrispettaw lil Valletta għaliex huma ċ-champions u j’alla jirbaħ l-aħjar tim fil-ġurnata.” Scerri kellu kliem ta’ tifħir għall-kowċ avversarju fejn żied li jammira x-xogħol ta’ Gilbert Agius bħala kowċ.”
Agius faħħar lil Balzan tad-deċiżjoni għaqlija li ħadu biex ħatru lil Jacques Scerri bħala l-kowċ tat-tim. “Balzan taħt Jacques Scerri hu tim organizzat u tilfu biss żewġ logħbiet mit-12-il logħba li ilu fit-tmexxija u kellhom seba’ clean sheets.” Fl-aħħar logħbiet, Valletta lagħbu b’diversi plejers nieqsa iżda Agius qal li kważi rkupraw lil kulħadd u sostna li dan il-fatt jgħinhom ikunu aktar flessibbli. Hu kompla li l-partiti preċedenti huma indikazzjoni ta’ x’jista’ jiġri iżda qal li mil-logħba tat-tieni rawnd tjiebu Balzan.
Il-kowċ ta’ Balzan kompla li l-aħħar konfront kontra Birkirkara jimlih bil-kuraġġ għaliex huma baqgħu jemmnu li setgħu jirbħu l-logħba. Mistoqsi xi jġiegħelu jemmen li Balzan jistgħu joħorġu rebbieħa, Scerri qal li l-avversarji huma riflessjoni tal-qawwa ta’ tim li ġej minn perjodu tajjeb iżda qal li kull logħba jkun fiha l-istorja tagħha.
Il-captain ta’ Valletta Jonathan Caruana żied li finali hi dejjem sabiħa u logħba importanti għall-klabb. Hu kompla li t-tim ġej minn tliet logħbiet importanti u sostna li la waslu sa hawn jittama li jagħlqu bit-tajjeb.
Il-captain ta’ Balzan Steve Bezzina qal li r-rebħa f’din il-logħba tfisser aktar mill-ewwel unur għaliex jiksbu post fl-Europa League. Bezzina kompla li huma konxji li meta waslu fl-aħħar pass dejjem waqgħu fl-aħħar ostaklu iżda l-fatt li waqt finali jista’ jiġri kollox jagħtihom kuraġġ li jekk jagħtu l-100% jistgħu jirbħu.
Ir-referee għal din il-logħba se jkun Mario Apap, bl-assistenti se jkunu William Debattista u Paul Apap. Ir-raba’ uffiċjal se jkun Emanuel Grech.
//= $special ?>