“Irid ikun hemm aktar assigurazzjoni fil-qasam tal-kostruzzjoni, biex nevitaw l-inċidenti li seħħew fl-aħħar xhur”.
Tkellimna ma’ Simone Vella Lenicker, il-President tal-Kamra tal-Periti, wara li l-istess Kamra nediet dokument b’numru ta’ proposti li jiffukaw fuq is-settur tal-kostruzzjoni. Hija sostniet li hemm bżonn li jkun hemm aktar kwalità fil-mod kif isir il-bini, mhux mill-punt estetiku, ikun hemm aktar ħarsien fuq enerġija sostenibbli u kif ukoll anqas inkonvenjent lil dawk li jgħixu fil-qrib il-kostruzzjoni, inkluż it-trab u kif ukoll il-ħsejjes.
Id-dokument qed jenfasizza li jkun hemm aktar sigurtà, u kif ukoll it-taħriġ meħtieġ lil dawk li jaħdmu fil-kostruzzjoni. Jagħmel enfasi wkoll fuq il-ħtieġa ta’ numru ta’ riformi fis-settur u l-ħtieġa li l-entitajiet konċernati jkunu effiċjenti.
Il-Kamra tal-Periti qalet li d-dokument qed jieħu azzjoni pro-attiva, u biex l-industrija tibqa’ tkun sostenibbli, iżda mhux biss – hemm bżonn li jkun assigurat li jkun hemm il-ħarsien tan-nies u tal-estetika tal-lokalitajiet tagħna.
Dan id-dokument, diġà ġie maqbul mill-maġġoranza tal-Kamra tal-Periti, iżda l-istess Kamra se terġa’ tikkonsulta mal-bqija tal-membri fi ħdanha biex dawn il-proposti jiġu mtejba bl-aqwa mod possibbli.