Futbol Sport

Giovanni Tedesco jirriżenja minn kowċ ta’ Ħamrun Spartans

Il-kowċ Taljan Giovanni Tedesco mhux se jibqa’ kowċ ta’ Ħamrun Spartans hekk kif ta l-ittra ta’ riżenja tiegħu fl-uffiċini tal-Malta Football Association. Jidher li dan il-pass hu l-ewwel wieħed biex Tedesco jibda avventura ġdida fil-Kampjonat Premier, b’Gżira United jinsabu viċin il-firma tat-Taljan li għad fadallu sena kuntratt u għalhekk trid tiġi mħallsa somma ta’ €20,000.

Il-President ta’ Ħamrun Spartans Nunzio Antignani kkonferma l-aħbar mal-programm ta’ Net Television Replay. Hu żied li qed jitolbu dan l-ammont u f’dan l-istadju hu irrelevanti min iħallashom din is-somma jekk hux il-klabb jew il-kowċ innifsu. Sorsi viċin Gżira United qalu li skont ir-regoli s-somma li trid titħallas hi ta’ €5,000, jiġifieri nofs il-paga li kieku kien jitħallas sa tmiem il-kuntratt.

Giovanni Tedesco stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa kowċis f’pajjiżna u jinsab nominat għall-unur tal-Aqwa Kowċ fl-MFA Awards. L-ewwel esperjenza tiegħu f’pajjiżna kienet fl-istaġun 2014/2015 ma’ Floriana fejn wassalhom sal-ħames post.

Fl-istaġun ta’ wara, Tedesco ngħaqad ma’ Birkirkara iżda spiċċa mill-kariga f’Diċembru tal-2015. Wara esperjenza ma’ Palermo fl-Italja, Tedesco rritorna f’pajjiżna ma’ Floriana fl-istaġun 2016/2017 fejn reġa’ wassalhom għall-ħames post u mexxa lil Floriana għar-rebħ tal-FA Trophy. Hu beda l-istaġun 2017/2018 iżda rriżenja f’Diċembru 2017, biex fil-bidu ta’ dan l-istaġun wassal lil Ħamrun Spartans sar-raba’ post fil-kampjonat.