Ser jiġi żvelat biss wara l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju
Id-deal li qed jinnegozja Konrad Mizzi mal-Corinthia għall-konċessjoni tal-art jibqa’ mistur. Meta kien mistoqsi jekk jarax kunflitt ta’ interess meta d-ditta li qed tivvaluta l-art għall-Gvern kellha lill-Corinthia bħala klijenti, Konrad Mizzi wieġeb li m’għandux informazzjoni li hemm kunflitt ta’ interess.
Dwar il-periklu li d-deal li qed jagħmel jammonta għal forma ta’ state aid li hu projbit minn regolamenti tal-UE u jekk jarax li dan hu trattament preferenzjali a spejjeż ta’ ħaddieħor, il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb li dak li se jsir, se jkun b’rispett lejn ir-regolament Ewropej.
Il-kummenti tal-Ministru Konrad Mizzi jikkonfermaw rapporti f’ġurnali li hemm urġenza biex id-deal ikun konkluż qabel il-Parlament jaġġorna għall-vakanzi tas-Sajf.
Fl-istess waqt, kollox għandu jibqa’ jinżamm mistur sakemm tkun għaddiet l-elezzjoni tal-parlament ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
Konferma ta’ dan hu l-fatt li l-Parlament kien aġġornat għat-28 ta’ Mejju, jiġifieri wara l-elezzjonijiet. Trasferiment ta’ art pubblika teħtieġ riżoluzzjoni fil-Parlament. Xi ħaġa li issa żgur mhux se ssir għaliex il-Parlament jinsab aġġornat.
//= $special ?>
