Futbol Sport

Informazzjoni dwar il-partitarji u t-traffiku għall-konfront bejn Balzan u Valletta

Il-Malta Football Association, flimkien mal-pulizija ppubblikat komunikat dwar l-arranġamenti tat-traffiku kif ukoll tal-partitarji rispettivi għall-finali tal-FA Trophy bejn Balzan u Valletta fl-Istadium Nazzjonali. Il-logħba tibda fil-5.00pm, bil-bibien tal-istadium jinfetħu sagħtejn qabel.

Il-partitarji ta’ Balzan għandhom joqogħdu f’West A filwaqt li l-partitarji ta’ Valletta għandhom joqogħdu f’West C u Millenium D. L-istand għall-familji u n-nurseries għandhom allokat Millenium F. Il-biljetti għas-settur West C (Valletta) inbiegħu kollha mill-klabb. Fid-dawl ta’ dan, dawk il-partitarji li diġa xtraw il-biljett u dawk li għandhom Orange Card u season ticket ta’ Valletta FC se jingħataw aċċess għas-settur West C fil-ġurnata tal-logħba.

Mhux se jkun hemm bejgħ ta’ biljetti għas-settur Millennium E (Trophies Lounge). Biljetti għas-setturi l-oħra (West A u Millennium D u F) jistgħu jinxtraw mill-istadium qabel il-partita. Il-partitarji huma mħeġġa jaħsbu kmieni biex imorru l-Istadium Nazzjonali fil-ġurnata tal-logħba. Ir-ring road tal-Istadium Nazzjonali se tingħalaq għat-traffiku mit-tmienja ta’ filgħodu fil-ġurnata tal-partita.

It-triq li tagħti mill-BOV Adventure Park għar-roundabout tal-MFCC kif ukoll it-triq mir-roundabout tal-Imtarfa ħdejn iċ-Ċimiterju Militari lejn il-kumpless tal-basketball ser ikunu magħluqa għat-traffiku fid-direzzjoni tal-Istadium Nazzjonali mis-1.00pm ‘il quddiem.

Il-partitarji li se jgħaddu min-naħa tal-Mosta (Durumblat) fi triqthom lejn l-Istadium Nazzjonali għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-parkeġġ tal-West Stand (Enclosure) u l-parti fejn tagħti għal Triq Durumblat.

Il-partitarji li jgħaddu miż-żona ta’  Ħ’Attard, min-naħa ta’ Dar Santa Katerina fi Triq il-Pitkali fid-direzzjoni tal-BOV Adventure Park u tal-MFCC/Millennium Stand, huma mħeġġa jipparkjaw il-vetturi tagħhom fin-naħa tal-Millennium Stand

Coaches tal-partitarji ta’ Valletta għandhom jgħaddu minn Ħ’Attard fid-direzzjoni tal-Millennium Stand sabiex jipparkjaw wara s-South Stand, faċċata tal-Gym tal-MFA biex ikunu jistgħu joħorġu min-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Coaches tal-partitarji ta’ Balzan għandhom jipparkjaw fiż-żona tan-North Stand fid-direzzjoni tal-MFA Training Grounds.