Lokali

Staġun miftuħ tal-kaċċa għall-Gamiema, speċi protetta – Birdlife Malta

Kif antiċipat minn BirdLife Malta, l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta’ din is-sena rriżulta f’massakru ta’ Gamiem, speċi li hija protetta, u kien prattikament staġun miftuħ għall-kaċċa fuq din it-tajra li llum hija red-listed għax hija meqjusa bħala vulnerabbli.

Id-dati tal-istaġun bejn l-10 u t-30 ta’ April ntgħażlu deliberatament mill-gvern biex jaħbtu mal-eqqel tal-passa tal-Gamiema, minkejja li suppost li s-Summiena kienu l-unika speċi kaċċabbli. Il-bidla fid-dati ma kinitx ibbażata fuq xi studju dwar il-passa imma saret biss biex tissodisfa t-talba tal-kaċċaturi biex jitneħħa lmoratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiem, minkejja li dan l-għasfur għadu kklassifikat bħala fil-periklu tal-estinzjoni.

Prova ċara ta’ kemm kienet ħażina l-għażla tad-dati għal dan l-istaġun paraventu huwa l-fatt li nofs l-għasafar protetti maqtula illegalment li nġabru minn BirdLife Malta tul il-perjodu tal-kaċċa tar-rebbiegħa kienu Gamiem. Li l-għażla tad-dati tal-istaġun saret biex ikunu aġevolati l-kaċċaturi tikkonfermah ukoll iż-żieda finnumru ta’ kaċċaturi interessati biex jirreġistraw għall-istaġun, bi 816-il liċenzja aktar fir-rebbiegħa 2019 meta mqabbel mar-rebbiegħa 2018. Minkejja li tul ittliet ġimgħat tal-istaġun ta’ din is-sena ħarġu għall-kaċċa 7,570 kaċċatur, ilmaġġoranza ma rrappurtawx li qabdu mqar Summiena waħda, l-unika tajra li setgħet tiġi kkaċċjata tul dan il-perjodu.

L-osservazzjonijiet ta’ BirdLife Malta jindikaw ukoll li kellna staġun ikkaratterizzat mill-inqas livelli ta’ infurzar fl-aħħar snin. Minkejja li suppost kellu jkun hemm seba’ uffiċjali tal-pulizija għal kull 1,000 kaċċatur, bħala medja BirdLife Malta nnutat preżenza tal-pulizija fi 13.8% biss tad-drabi li l-voluntieri tagħha kienu fil-postijiet magħrufin għall-kaċċa. Dan huwa tnaqqis qawwi meta mqabbel ma’ dak li kien osservat fl-istaġun tas-sena li għaddiet meta t-timijiet ta’ BirdLife Malta nnutaw preżenza tal-pulizija f’60.4% tal-ħin li kienu għaddejjin bil-ħidma tagħhom.

Is-sitwazzjoni kienet agħar f’Għawdex fejn fuq ġimgħa ta’ sorveljanza ma rajniex imqar tim wieħed ta’ pulizija fil-kampanja minkejja li l-gżira ta’ Għawdex hi popolari ħafna mal-kaċċaturi Maltin għall-kaċċa fuq il-Gamiem. L-infurzar talistaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa f’Għawdex jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Pulizija tad-Distrett, minħabba li t-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) ma titħalliex taħdem f’Għawdex.

Is-sorveljanza tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena saret għal darba oħra tul l-Ispring Watch annwali ta’ BirdLife Malta. Il-kamp kopra ġimagħtejn mit-tliet ġimgħat tal-istaġun. Fuq perjodu ta’ ġimagħtejn biss, kienu osservati xejn inqas minn 92 illegalità marbuta mal-kaċċa, minn total ta’ 28 voluntier maqsuma f’erba’ timijiet li koprew 58 post differenti magħrufin għall-kaċċa illegali madwar Malta u Għawdex. Ir-riżultati finali tal-kamp juru li ħafna kaċċaturi ħarġu għall-kaċċa fuq il-Gamiem, b’filmati li qed inxandru llum juru kaċċaturi qed jistennew fid-dura u oħrajn isegwu u jisparaw fuq il-Gamiem. Lillegalitajiet li ġew osservati, miġburin fil-qosor hawn taħt, jinkludu wkoll l-użu ta’ snieter modifikati li kapaċi jisparaw aktar minn tliet tiri, u l-użu illegali ta’ apparat tal-għajjat elettroniku:

  • 73% tal-inċidenti li fihom kienet osservata kaċċa fuq tajr protett (mhux Summien) kienu jinvolvu Gamiem
  • Nofs in-numru ta’ għasafar protetti li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali dan l-istaġun u nġabru minn BirdLife Malta kienu Gamiem
  • Tul il-jiem tal-istaġun BirdLife Malta reċeviet biss Summiena waħda (lispeċi li kienet kaċċabbli) imqabbel ma’ sitt Gamimiet li nqatlu illegalment
  • Fost għasafar oħra protetti feruti jew maqtula li ġbarna kien hemm speċi bħad-Daqquqa tat-Toppu u t-Tellerita kif ukoll tajr tal-priża bħallIspanjulett, il-Bagħdan Aħmar u anke l-Bagħdan Griż
  • Biċ-ċifri tal-istaġun, l-illegalitajiet tal-kaċċa din is-sena sa issa diġà jinsabu f’livelli rekord: it-total ta’ 41 għasfur protett li spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali sal-lum fl-2019 diġà hu aktar mill-figuri tas-sena l-oħra għall-istess perjodu (38).

L-uniku każ ta’ kaċċa illegali fejn nafu li l-pulizija ħadu azzjoni fl-istaġun ta’ din issena kien dak li seħħ bis-saħħa ta’ BirdLife Malta fil-Miżieb fejn kaċċatur instab fil-pussess ta’ Gamiema u Tajra Safra, it-tnejn għasafar protetti. Jiem wara, listess raġel kien osservat għadu qed jikkaċċja imma meta ġie avviċinat millpulizija ħarab mill-post, għalkemm aktar tard ġie arrestat flimkien ma’ kollega tiegħu li għenu jaħrab.

Filwaqt li BirdLife Malta talbet informazzjoni mingħand il-pulizija jekk kienx hemm xi każi jew arresti oħra, m’aħna konxji tal-ebda każ ieħor ta’ kaċċa illegali fuq il-Gamiem li se jitressqu quddiem il-ġustizzja. Is-sitwazzjoni hi l-istess bħassena l-oħra meta l-uniku kaċċatur li nqabad fil-fatt – l-uffiċjal tal-FKNK Lawrence Vella – għadu lanqas tressaq il-Qorti. Vella, is-sena li għaddiet, kien iffilmjat jikser il-liġi sfaċċatament meta spara fuq Gamiema protetta f’inċident li wkoll kien seħħ fil-Miżieb, post li l-kaċċaturi jqisuh bħala riserva tagħhom għall-kaċċa. Minkejja f’dan, minħabba li l-każ tiegħu għadu ma nstemax fil-qrati, Vella din is-sena xorta kien eliġibbli li tinħariġlu liċenzja għall-kaċċa fl-istaġun tar-rebbiegħa li ħabat mal-eqqel tal-passa tal-Gamiem.

Dan kollu juri għal darba oħra li din is-sena kellna staġun li matulu suppost, fuq il-karta, setgħet tiġi kkaċċjata biss is-Summiena imma fil-verità ġiet adottata attitudni li jitħalla kollox għaddej fejn għandu x’jaqsam mal-kaċċa għall-Gamiem, bl-ebda superviżjoni serja fl-infurzar kif rikjest biex tiġi applikata d-deroga.

F’kummenti dwar l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta’ din is-sena, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “BirdLife Malta ttenni li sakemm ilgvern ma jibdiex jibbaża d-deċiżjonijiet ambjentali li jieħu fuq l-informazzjoni xjentifika minflok iħalli r-rieda politika tiddetta, dawn l-illegalitajiet se jkomplu u huwa responsabbli għalihom. Aħna nibqgħu nsostnu wkoll li għandha titwaqqaf taqsima tal-infurzar mgħammra kif għandu jkun fi ħdan il-Korp tal-Pulizija biex tiġġieled ir-reati kriminali ambjentali għax naħsbu li din hija kruċjali biex tinstab soluzzjoni. Nittamaw li l-Kummissjoni Ewropea tirrealizza li l-istaġuni tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta ġew imfassla biex tkun tista’ ssir kaċċa għall-Gamiem u twaqqaf dan id-daħq fil-wiċċ darba għal dejjem.”

Il-Conservation Manager ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara kompla: “BirdLife Malta se tkun qed tirrapporta r-riżultati tal-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa ta’ din is-sena lid-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea u se tkun qed titlob li d-deroga tiġi kkunsidrata mill-ġdid fid-dawl tal-lakuni li uża lGvern Malti biex jiftaħ staġun għall-kaċċa tal-Gamiem taħt l-iskuża ta’ staġun talkaċċa għas-Summien. Se nfakkru lill-Kummissjoni li l-kaċċaturi jistgħu jikkaċċjaw is-Summien f’numri adegwati tul l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa. Nappellaw ukoll lill-Kummissjoni biex issejjaħ moratorju mifrux madwar l-Ewropa kollha li jiggarantixxi l-ħarsien tal-Gamiema anke tul il-perjodu meta tpassi fil-ħarifa, sabiex it-tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ dan l-għasfur madwar il-kontinent Ewropew ikun indirizzat b’mod sħiħ.