Lokali

Taxxa Soċjalista li thedded l-investiment u l-impjiegi f’pajjiżna

Is-Soċjalisti Ewropej iridu jeħdulna d-dritt li nibqgħu niddeċiedu aħna dwar it-taxxa f’pajjiżna. Il-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea tas-Soċjalisti Frans Timmermans għamilha ċara għal aktar minn darba li jrid li jkun hawn taxxa waħda madwar l-Ewropa kollha u dan b’theddida diretta għall-investimenti u l-impjiegi f’pajjiżna. Frans Timmermans reġa’ ddikjara din il-wegħda waqt id-dibattitu tal-kandidati kollha għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, fejn reġa’ qal li jrid taxxa komuni għal kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u li l-Istati Membri jistgħu jgħollu t-taxxa kemm iridu imma ma jistgħux jibqgħu jiddeċiedu huma kemm ibaxxu t-taxxa. Hekk qalu l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius u Frank Psaila waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN. 

Peter Agius qal li kull vot għall-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti huwa vot biex Frans Timmermans isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea u jneħħina minn idejna d-dritt tagħna li niddeċiedu aħna dwar it-taxxa. Huwa qal li l-awtonomija li niddeċiedu aħna r-rata tat-taxxa hija kruċjali biex nattiraw l-investiment lejn Malta u għall-ħolqien tal-impjiegi b’pagi tajbin. b’mod speċjali għas-setturi l-aktar importanti għall-ekonomija tagħna bħall-gaming u s-servizzi finanzjarji. Dan meta s-settur tas-servizzi finanzjarji joffri x-xogħol lil eluf ta’ żgħażagħ u professjonisti u llum jikkontribwixxu għal xejn anqas minn 12% tal-GDP ta’ Malta. Jekk ma nibqgħux niddeċiedu aħna fuq it-taxxa jkun ifisser li pajjiżna jitlef il-vantaġġi mal-pajjiżi l-oħra. Peter Agius qal li l-MEPs Soċjalisti Maltin ma rnexxilhomx jipperswadu lill-grupp politiku tagħhom stess biex din il-wegħda li hija theddida għalina titneħħa u allura żgur li ma jistgħux jirrappreżentaw lil Malta fl-aħjar mod fil-Parlament Ewropew. 

Frank Psaila qal li jekk tgħaddi ta’ Frans Timmermans u tas-Soċjalisti Ewropej u jimponulna taxxa komuni madwar l-Ewropa kollha, tkun daqqa ta’ ħarta kbira għal pajjiżna u ma nkunux lanqas f’pożizzjoni li nattiraw setturi ġodda innovattivi li jistgħu joffri pagi tajbin u mhux biċ-cheap labour, li qed jgħolli rasu taħt il-Gvern Soċjalista. Il-Prim Ministru Joseph Muscat diġà qal li se jkun qed jagħti l-appoġġ assolut lil Frans Timmermans u jekk tgħaddi tas-Soċjalisti Ewropej ikun ifisser ukoll li pajjiżna jitlef dan id-dritt li Gvern Nazzjonalista kien innegozja b’għaqal mal-Unjoni Ewropea fl-aħjar interess tan-negozji u l-ekonomija. Frank Psaila qal li l-Partit Nazzjonalista ma jridx li jkun hawn taxxa waħda madwar l-Ewropa kollha kif irid Frans Timmermans, u mill-Parlament Ewropew se jibqa’ jiddefendi lil Malta u jaħdem sabiex il-pjan tas-Soċjalisti Ewropej li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom rata ta’ taxxa armonizzata ma jseħħx. 

L-MEPs li se jiġu eletti għall-PN permezz tal-manifest elettorali se jkunu qegħdin jaħdmu qatigħ mhux biex jheddu x-xogħol u l-kompetizzjoni f’pajjiżna kif se jagħmlu s-Soċjalisti Ewropej bil-wegħda tagħhom tal-armonizzazzjoni tat-taxxa, iżda se jaraw li tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta li qed jaffaċċjaw l-operaturi Maltin minn operaturi barranin, se jaħdmu biex jiżdiedu l-fondi tal-Unjoni Ewropea u se jindirizzaw l-iskills gap fis-setturi tal-gaming u s-servizzi finanzjarji b’għajnuna diretta mill-Ewropa. Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius u Frank Psaila kien hemm preżenti wkoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali fis-Siġġiewi Alex Abela u l-kandidata għall-elezzjoni lokali fil-Belt Valletta Roberta Bonello.