Internazzjonali

Tmut il-qattusa famuża magħrufa fuq il-midja soċjali bħala ‘Grumpy Cat’

'Grumpy Cat' waslet biex ħafna jkollha tbissima fuq wiċċhom.

Il-qattusa famuża fuq il-midja soċjali magħrufa bħala Grumpy Cat mietet fl-età ta’ seba’ snin.

Jidher li hi mietet nhar it-Tlieta li għadda minħabba kumplikazzjoni minn infezzjoni li kellha.

Sidha stqarret li l-espressjoni ta’ wiċċha kienet bħallikieku waħda dejjem bid-dwejjaq minħabba l-kundizzjoni ta’ dwarfiżmu.

L-isem propja tal-qattusa kien Tardar Sauce filwaqt li r-ritratt tagħha nxtered fuq il-midja soċjali lura fl-2012. Dan ir-ritratt beda jintuża minn ħafna madwar id-dinja kollha bħala ‘meme’.

Din il-qattusa hija meqjusa bħala waħda mill-iktar qattusa famuża, b’sempliċiment ritratt wassal biex dahret id-dinja fejn dehret fuq diversi programmi televiżivi. Hi saħansitra kellha parti f’film tal-Milied li ħareġ fl-2014.

Madame Tussauds f’San Francisco kienu għamlu figura bil-wax tagħha fl-2015.

Il-profil tagħha fuq Instagram għandu iktar minn 2 miljuni followers.

Sidha kienet waqfet minn xogħolha hekk kif il-qattusa tagħha saret famuża. Hi saħansitra kienet rebħet kawża l-qorti u ngħatat $710,000 hekk kif il-qattusa ntużat fuq prodotti li bdew jinbiegħu mingħajr il-permess.