Jekk Valletta għandhom ċans jilħqu rekord ta’ Ħamrun Spartans, Balzan għandhom ċans jiksbu l-ewwel unur u jekk jiksbu dan is-suċċess, Balzan jagħmlu dak li għamlu Melita, Gżira United, Żurrieq u Rabat Ajax li rebħu l-FA Trophy darba.
Melita rebħu l-unika FA Trophy fit-28 ta’ Mejju tal-1939 b’rebħa ta’ 4-0 kontra Sliema Wanderers. Huma daħlu jistrieħu gowl minn fuq wara gowl ta’ Martin fil-bidu tal-logħba. George Bencini rdoppja meta ma tax ċans lil Edwards isalva minn qagħda tajba. Victor Vassallo għalaq il-logħba b’gowl tal-istampi biex George Bencini skorja r-raba’ gowl lejn it-tmiem.
Gżira rebħu l-FA Trophy fl-10 ta’ Ġunju tal-1973. Huma għelbu lil Birkirkara 2-0 f’dik li kienet it-tielet logħba bejniethom wara li ż-żewġ logħbiet ta’ qabel intemmu fi draw. Il-Maroons marru minn fuq fit-33 minuta. Kien nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża ta’ Birkirkara, b’passaġġ ta’ Vidal lejn dak li kien imsejjaħ is-centre-half dak iż-żmien Robbie Caruana li rnexxielu spara f’rokna vojta b’xutt b’saħħtu. L-iskor sar 2-0 mas-siegħa logħob meta Saliba ta qasir bir-ras lejn il-gowlkiper, b’Eric Schembri jinterċetta l-ballun u minn pożizzjoni angolata spara għal ġewwa.
Il-plejers ta’ Gżira United bl-FA Trophy Il-partitarji ta’ Gżira United jifirħu wara r-rebħa kontra Birkirkara
Is-16 ta’ Ġunju tal-1985 hi data storika marbuta ma’ Żurrieq. Dakinhar huma għelbu lil Valletta 2-1 fir-replay tal-finali tal-FA Trophy u pattew għat-telfa fis-sena ta’ qabel. Żurrieq kellhom bidu mill-aqwa hekk kif marru minn fuq wara nofs minuta bi kross ta’ Mario Farrugia, Falzon ma żammx u daħal Frans Scicluna li fil-baxx għeleb lil Ray Mifsud. Valletta ġabu d-draw fis-sitt minuta b’korner ta’ Pawlu Zammit lejn Michael Taliana li skorja b’xutt bid-dawra. Il-gowl li spiċċa ddeċieda l-logħba wasal fis-36 minuta b’korner ta’ Ray Zahra lejn Ray Falzon li sab ix-xibka.
Ray Falzon jantiċipa lil Fenech u Mifsud biex skorja t-tieni gowl ta’ Żurrieq
Fid-19 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara, kien imiss lil Rabat Ajax li jnaqqxu isimhom fost ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni. Huma kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra Żurrieq. Rabat marru fil-vantaġġ fid-39 minuta meta Joe Galea ħataf ballun f’nofs il-grawnd u kien pront qassam lejn Carmel Busuttil li għeleb in-nasba tal-offside li b’intelliġenza qabbeż fuq ras il-gowlkiper Duca li kien ħiereġ minn postu. Ir-Rabtin għalqu l-logħba fil-81 minuta bi kross ta’ Mark Miller mil-linja u tefa’ kross lejn Frankie Graham li rdoppja.
