Bayern Munich rebħu l-Bundesliga għas-seba’ staġun konsekuttiv meta fl-aħħar logħba tal-kampjonat kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 fl-Allianz Arena kontra Eintracht Frankfurt. Huma jistgħu jassiguraw doppjetta domestika jekk jegħlbu lil Leipzig fil-finali tat-Tazza Ġermaniża fil-25 ta’ Mejju. Bayern għelbu l-isfida ta’ Borussia Dortmund li għal ħafna mill-istaġun kienu huma fil-quċċata, biex kisbu d-29 kampjonat fl-istorja.
Qabel il-logħba, kien hemm biss żewġ punti jifirdu liż-żewġ timijiet, bi draw għal Bayern Munich ikun biżżejjed biex jassiguraw mill-kampjonat. Iżda t-tim ta’ Niko Kovac ħareġ determinat li jikseb rebħa hekk kif iddominaw l-ewwel taqsima. Huma marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti b’xutt fil-baxx mill-kaxxa ta’ Kinglsey Coman li kien f’pożizzjoni ideali. Wara dan il-gowl it-tim mill-Bavarja falla diversi okkażjonijiet biex ikabbar il-vantaġġ.
Eintracht Frankfurt ġabu d-draw fil-50 minuta meta minn korner, ix-xutt ta’ David Abraham stampa mal-mimduda u mir-rebound kien Sebastian Haller li kompla għal ġewwa. Sa dak il-ħin, Bayern inħasdu filwaqt li Eintracht reġgħu bdew jittamaw li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa. Iżda Bayern Munich kellhom ħsibijiet differenti hekk kif tliet minuti wara marru fil-vantaġġ b’xutt fil-baxx ta’ Thomas Muller ikun salvat parzjalment b’David Alaba jidħol tajjeb biex skorja mir-rebound. L-iskor sar 3-1 ħames minuti wara b’azzjoni ta’ Renato Sanches li skorja b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ftit diffiċli.
Dan il-gowl ta nifs ġdid liċ-champions Ġermaniżi li bdew jaraw il-kampjonat jersaq aktar viċin. Mument ta’ ferħ ukoll għaż-żewġ veterani fit-tim Franck Ribery u Arjen Robben li se jħallu lit-tim fi tmiem l-istaġun. Huma daħlu bħala sostituti u t-tnejn skorjaw. Ribery skorja r-raba’ gowl fit-72 minuta b’azzjoni personali mill-aqwa u qabbeż fuq Kevin Trapp, biex fit-78 minuta Arjen Robben żied gowl ieħor meta kompla għal ġewwa f’lasta vojta. Ribery se jħalli l-klabb wara 12-il sena u sar l-ewwel plejer li rebaħ disa’ darbiet il-Bundesliga. Robert Lewandowski spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat għar-raba’ darba hekk kif skorja 22 gowl.
Borussia Dortmund rebħu wkoll il-logħba tagħhom wara li għelbu lil Borussia Monchengladbach 2-0. Jadon Sancho fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt mill-ewwel minn qrib il-kaxxa ż-żgħira. Marco Reus irdoppja l-iskor fl-54 minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin wara azzjoni maħduma mill-aqwa.
Leipzig u Bayern Leverkusen se jingħaqdu mal-ewwel żewġ timijiet fil-UEFA Champions League tal-istaġun li ġej. Borussia Monchengladbach, Wolfsburg u Eintracht Frankfurt se jilagħbu fl-Europa League.
//= $special ?>