BALZAN…………….. 4 VALLETTA………….. 4
(Balzan jirbħu 5-4 bl-għoti tal-penalties)
Balzan: S. Mintoff, I. Bozovic, N. Sljivic, A. Kosoric, S. Bezzina (A. Majdevac 77’), P. Fenech, U. Ljubomirac, S. Pisani (S. Cipriott 103’), C. de Fiori Mendes (D. Camilleri 34’) (J. Grioli 106’), R. Correa, A. Effiong
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre (S. Dimech 121’), S. Borg (J. Zerafa 72’), J. Caruana, J. Borg, R. Muscat, R. Saleh (N. Pulis 81’), S. Malano, K. Nwoko, M. Fontanella, B. Kaljevic (B. Gavrila 63’)
Imwissija: H. Bonello 44’ (V), P. Fenech 45+3’, D. Camilleri 72’, I. Bozovic 117’ (B)
Tkeċċa: B. Gavrila 117’ (V)
Skorjaw: A. Effiong 8’, 43’, 95’, 104’ (B), E. Pena Beltre 40’, 72’, M. Fontanella 115’ pen, R. Muscat 119’ (V)
Referee: Mario Apap
Assistenti Referees: William Debattista, Paul Apap
Attendenza: 4024
Alfred Effiong kien superlattiv biex finalment Balzan rebħu l-ewwel unur maġġuri. Il-Balzanin kienu ilhom diversi snin jissieltu biex jirbħu l-logħba u waslu għal rebħa tant mixtieqa wara li tliet snin ilu tilfu l-finali bl-għoti tal-penalties kontra Sliema.
Logħba mill-isbaħ li bħal dak li ġara fid-decider għar-rebħ tal-kampjonat serviet ta’ riklam sabiħ għall-futbol Malti. Il-Balzanin kienu tliet darbiet minn fuq u għalkemm sofrew doċċa kiesħa lejn it-tmiem tal-ħin barrani, irnexxielhom jirbħu bl-għoti tal-penalties b’Sean Mintoff jispikka meta salva t-tieni penalty mogħti miż-żagħżugħ Nicholas Pulis li minkejja l-età tiegħu kellu l-kuraġġ jagħti penalty f’mument daqshekk deċiżiv.
Dan ir-riżultat fisser ukoll li Balzan se jilagħbu fl-Europa League l-istaġun li jmiss għas-spejjeż ta’ Ħamrun Spartans li kienu spiċċaw ir-raba’ fil-kampjonat. Mertu jmur ukoll għal Valletta li wieġbu wara darbtejn sad-90 minuta u wara li kienu żewġ gowls minn taħt fil-ħin regolamentari, ġabu d-draw anki bi plejer anqas.
Wieħed ma jistax ma jsemmix isemmi wkoll id-deċiżjoni kontroversjali qabel tmiem l-ewwel taqsima li tat it-tieni gowl lil Balzan. Ir-referee Mario Apap spikka f’din id-deċiżjoni hekk kif ikkonvalida gowl li deher offside ċar għaliex hu ġġudika li Steve Borg lagħab u mhux xellef il-ballun. F’kummenti li dan is-sit ħa lid-Direttur tad-Dipartiment tar-Referees, Kevin Azzopardi qal li s-sitwazzjoni hi suġġett għal interpretazzjoni tar-referee iżda r-referee f’din l-azzjoni ġġudika li l-plejer lagħab il-ballun u mhux xellfu.
Balzan fetħu tajjeb u wara 20 sekonda Ivan Bozovic impenja lil Henry Bonello b’xutt fil-baxx mid-distanza, bil-gowlkiper Belti jsalva tajjeb filwaqt li Steve Borg antiċipa lil Alfred Effiong u tefa’ l-ballun f’korner. Mill-istess korner mogħti minn Ricardo Correa, Bonello reġa’ spikka b’save mill-isbaħ fuq daqqa ta’ ras ta’ Effiong. Valletta ħolqu l-ewwel azzjoni tagħhom fil-ħames minuti b’kombinazzjoni bejn Mario Fontanella u Bojan Kaljevic, bix-xutt tal-attakkant Taljan jgħaddi għoli.
Balzan marru fil-vantaġġ fit-tmien minuta meta kien Uros Ljubomirac li qassam bejn iż-żewġ difensuri ta’ Valletta, b’ALFRED EFFIONG jiżmarka ruħu minn Steve Borg u b’xutt fil-baxx għar-rokna ma tax ċans lil Bonello.
Balzan komplew ikunu aħjar hekk kif Valletta naqsu li jagħmlu reazzjoni immedjata wara l-gowl. Fl-24 minuta Ricardo Correa prova b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda fuq il-mimduda. Valletta resqu viċin il-gowl fis-37 minuta b’Fontanella jiftaħ lejn Kyrian Nwoko iżda x-xutt tal-aħħar ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Il-Beltin ġabu d-draw fl-40 minuta. Raed Saleh lagħab ballun fuq il-lemin, Steve Bezzina naqas li jbiegħed il-ballun, b’ENMY PENA BELTRE jidħol bħal vleġġa biex spara wara Sean Mintoff minn qagħda ideali. Iżda tliet minuti wara, Balzan reġgħu marru fil-vantaġġ f’azzjoni kontroversjali.
Kien xutt fil-baxx ta’ Steve Pisani minn barra l-kaxxa li kien imxellef minn Steve Borg u spiċċa għand ALFRED EFFIONG li mill-viċin għeleb lil Bonello. L-assistent referee William Debattista għolla l-bandiera tal-offside iżda niżżilha mill-ewwel. Dan il-gowl qajjem protesti kbar mill-plejers Beltin li bdew jipprotestaw għal offside, iżda r-referee Mario Apap ħa d-deċiżjoni li jikkonvalida l-gowl.
Valletta ħarġu fuq l-attakk fil-bidu tat-tieni taqsima biex idawru r-riżultat. L-ewwel periklu li ħolqu kien fit-48 minuta b’korner ta’ Fontanella jsib lil Santiago Malano li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit barra.
Erba’ minuti wara Kaljevic għadda vertikalment fl-ispazju lejn Mario Fontanella iżda Mintoff ħareġ tajjeb u blokka x-xutt fil-baxx tiegħu. Ċans ieħor għal Valletta fil-55 minuta bi kross ta’ Pena Beltre lejn Fontanella li kompla lejn Kaljevic, bil-Montenegrin ikkontrolla u xxuttja b’saħħtu iżda falla l-mira bi ftit.
Valletta meritatament ġabu d-draw fit-72 minuta b’Sean Mintoff jonqos li jżomm free-kick insidjuż ta’ Gavrila, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ ENMY PENA BELTRE li għeleb lil Mintoff b’xutt għar-rokna. Balzan baqgħu jilagħbu bl-istess logħba fit-tieni taqsima fejn kienu qed joperaw bil-kontrattakk u kellhom azzjonijiet li potenzjalment setgħu kienu perikolużi. Okkażjoni oħra għal Valletta fis-86 minuta b’xutt ta’ Santiago Malano mill-kaxxa li għadda ftit għoli biex erba’ minuti, xutt ta’ Gavrila għadda għoli.
Valletta setgħu skorjaw il-gowl tar-rebħa fil-91 minuta meta Fontanella seraq ballun fuq il-lemin mingħand Kosoric u tefa’ kross lejn Nwoko iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet ċentrali u salvata. Ftit sekondi wara fuq in-naħa l-oħra, Effiong irċieva passaġġ quddiemu iżda x-xutt djagonali fil-baxx kien salvat minn Bonello, biex il-logħba kompliet fil-ħin barrani.
Balzan reġgħu marru fil-vantaġġ fil-95 minuta bi free-kick ta’ Steve Pisani jasal għand ALFRED EFFIONG li kkontrolla l-ballun u mill-viċin skorja b’xutt fis-saqaf tax-xibka. Ir-reazzjoni ta’ Valletta waslet erba’ minuti wara b’Fontanella jniżżel lejn Nwoko li xxuttja fil-lasta iżda Mintoff salva tajjeb.
Effiong reġa’ kien perikoluż fil-100 minuta b’xutt fil-baxx mil-lemin li kien salvat parzjalment, bil-ballun jaħbat ma’ Pena Beltre iżda Bonello salva fil-ħin. Balzan għalqu l-logħba fil-104 minuta bi kross bix-xellug ta’ Ivan Bozovic isib lill-iżmarkat ALFRED EFFIONG li għola waħdu u b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Bonello.
Qabel it-tmiem tat-taqsima, Sean Mintoff żamm il-vantaġġ doppju b’save mill-isbaħ fuq konklużjoni ta’ Nwoko li mattar saqajh għal kross ta’ Fontanella. Valletta dehru għajjiena biex isalvaw ir-riżultat sakemm fil-115-il minuta rebħu penalty għal fawl ta’ Ricardo Correa fuq Enmy Pena Beltre. Mill-11-il metru MARIO FONTANELLA bagħat lil Mintoff in-naħa l-oħra tal-ballun u ħalla l-logħba miftuħa.
Valletta sfaw jilagħbu b’għaxar plejers fil-117-il minuta meta r-referee Mario Apap keċċa lil Bogdan Gavrila għal ritaljazzjoni fuq Correa wara li kien twaqqa’ minn Bozovic. Iżda kontra kull mistenni, Valletta bagħtu l-logħba għall-għoti tal-penalties meta Joseph Zerafa tefa’ ballun fit-tul fil-kaxxa, b’ROWEN MUSCAT iqabbeż il-ballun bir-ras fuq Mintoff, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel daħal fix-xibka fost il-ferħ tal-partitarji Beltin.
Il-logħba kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties. Santiago Malano skorja għal Valletta u Aleksandar Kosoric skorja għal Balzan. Ix-xutt ta’ Nicholas Pulis ġie salvat minn Sean Mintoff u Nenad Sljivic poġġa lil Balzan fil-vantaġġ.
Mario Fontanella skorja għal Valletta u Uros Ljubomirac kien preċiż għal Balzan. Jean Borg skorja wara li x-xutt kien imxellef minn Mintoff u ħabat mal-wieqfa qabel daħal. Andrija Majdevac skorja r-raba’ penalty ta’ Balzan u Rowen Muscat ħalla lil Valletta jittamaw.
Alfred Effiong inkariga ruħu fl-aħħar penalty u għeleb lil Bonello b’xutt ċentrali fost il-ferħ tal-plejers Balzanin u l-President Anton Tagliaferro li ra l-ħolma tiegħu sseħħ ir-realtà. Wara l-partita l-President tal-MFA Norman Darmanin ippreżenta t-trofew lill-captain tat-tim Steve Bezzina li għolla t-trofew b’kemm kellu saħħa hekk kif finalment kisbu dak li tant kienu ilhom jixtiequ.
//= $special ?>