L-Awstraljan Caleb Ewan rebaħ it-tmien stadju tal-Giro d’Italia bi prestazzjoni mill-aqwa. Iċ-ċiklist ta’ 24 sena għeleb lit-Taljan Elia Viviani fl-isprint finali biex rebaħ it-tieni stadju f’dan il-Giro, sentejn wara l-ewwel wieħed.
Fl-ewwel għaxar postijiet fil-klassifika ġenerali ma kienx hemm tibdil hekk kif Valerio Conti żamm il-quċċata għat-tielet ġurnata. Il-Britanniku Simon Yates, wieħed mill-favoriti Primoz Roglic, it-Taljan Vincenzo Nibali u l-Kolombjan Miguel Angel Lopez kollha spiċċaw mal-akbar grupp ta’ ċiklisti bl-istess ħin, fl-istadju minn Tortoreto Lido lejn Pesaro.
L-istadju tal-lum tista’ tkun determinanti, b’time trial individwali ta’ 34.8 kilometru tistenna liċ-ċiklisti. It-temp ukoll mistenni jħalli l-effett tiegħu hekk kif mistennija tagħmel ix-xita fit-triqthom lejn San Marino. Din it-triq għandha waħda mill-aktar tlajja diffiċli f’din it-tellieqa famuża li bdiet lura fl-1909.
Kif spiċċaw it-tmien stadju
1. Caleb Ewan 5:43.32, 2. Elia Viviani, 3. Pascal Ackermann, 4. Fabio Sabatini, 5. Manuel Belletti
Klassifika Ġenerali
1. Valerio Conti 29:29.34, 2. Jose Joaquin Rojas +1.32, 3. Giovanni Carboni +1.41, 4. Nans Peters +2.09, 5. Valentin Madouas +2.17
//= $special ?>