Lokali

Fabrizio Scire se jieħu l-każ tiegħu kontra l-Pulizija Maltin quddiem il-Qorti Ewropea

Il-kuntrattur Sqalli Fabrizio Scire'

Fabrizio Scire, li qed jakkuża lill-uffiċjali tal-Pulizija f’Malta li sawtuh, se jieħu l-każ tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Dan wara li fil-każ tiegħu fil-Qrati Maltin ġie deċiż li m’hemmx bażi biex l-uffiċjali Maltin jiġu sospiżi jew inkella pproċessati.

Il-każ imur lura għat-23 ta’ Frar li għadda meta numru ta’ vetturi kummerċjali tal-imprenditur Taljan ħadu n-nar f’Ħaż-Żebbuġ.

F’filmati minn kameras tas-sigurtà, Scire jidher jirreżisti lill-Pulizija biex javviċina l-vetturi li kienu qed jaqbdu. Hu jiddikjara li kien hawn li l-Pulizija abbużaw mill-poter.

Jgħid ukoll li jumejn wara sab nota li tgħid: ‘Jekk tfittex lill-Pulizija, tmut.” Saħansitra jiddikjara li għandu prova li xi Pulizija talbuh xi flus.

Il-Qorti Maltija madankollu ma tatux raġun u issa ħabbar li se jieħu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea fejn fost oħrajn jiddikjara li se jippreżenta wkoll il-filmati kif ukoll xhieda li jaqblu mal-verżjoni tiegħu.