Lokali

Il-kelliem ta’ Joseph Muscat jippolitiċizza l-qtil ta’ żagħżugħ barrani

Il-Kap tal-Komunikazzjoni u kelliem tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Kurt Farrugia, sfortunatament għażel li jippolitiċizza din it-traġedja f’okkażjoni oħra biex il-Gvern Soċjalista jipprova jattakka lill-Partit Nazzjonalista akkost ta’ kollox.

Dan hekk kif Kurt Farrugia, uffiċjal għoli f’Kastilja, fuq Twitter, infexx f’attakk fuq il-Partit Nazzjonalista u l-Kap Adrian Delia.

Kurt Farrugia għamel dan l-attakk fl-istess waqt li l-Kap tal-oppożizzjoni Adrian Delia kien qed jikkundanna kull forma ta’ diskriminazzjoni u attakki fuq bażi ta’ razza.

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fi tweet irringrazzja wkoll lill-Pulizija ta’ Malta għax-xogħol li wettqu u talli rnexxielhom isolvu dan il-każ li xxokkja lill-pajjiż.

Iżda sfortunatament, minflok ingħaqad miegħu f’messaġġ wieħed kontra r-razziżmu u f’tifħir lill-Pulizija, l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, Kurt Farrugia, iddeċieda li jattakka lil Adrian Delia.

Dwar dan tkellem ukoll is-Segretraju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli li fi tweet bi tweġiba għal dak li kiteb Kurt Farrugia huwa fakkar lill-Prim Ministru li m’għandux iħalli lil ta’ madwaru jippolitiċizzaw kwistjoni hekk sensittiva.