Lokali

Il-PN se jibqa’ jaħdem biex jara li l-fondi Ewropej ikunu aktar aċċessibbli għal Malta u l-Maltin

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jahdem biex jara li l-fondi Ewropej ikunu aktar aċċessbili għal Malta u l-Maltin u għalhekk jeħtieġ li nagħmlu analiżi tal-fondi Ewropej u naraw kif dawn jistgħu jkunu aktar aċċessibbli għal pajjiżi membri żgħar bħal Malta, għax il-mudell ta’ one size fits all ma jgħoddx għalina.

Hekk qalu l-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN. Dan hekk kif ġie żvelat li Malta mhux se tkun tista’ tagħmel użu mill-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li ġiet ikkawżata wara l-maltempata ta’ Frar li għadda li tlaħħaq mal-€25 miljun.

Francis Zammit Dimech qal li l-Partit Nazzjonalista ħadem fuq livell Ewropew u offra l-għajnuna kollha lill-Gvern biex jara li jittaffa l-impatt lil kull min ġarrab ħsarat bil-maltemp. Il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea joffri għajnuna lill-pajjiżi membri meta jkunu milquta minn diżastri naturali permezz ta’ assistenza finanzjarja sabiex is-sitwazzjoni li tkun żviluppat tirritorna għan-normal mill-aktar fis possibbli.

Huwa fakkar li kien ressaq il-proposti tal-bdiewa fir-rapport fuq il-futur tal-biedja fil-Kumitat tal-agrikoltura u kien talab sabiex il-pagamenti jsiru fil-ħin u mingħajr burokrazija, bidliet li qhandhom jigu riflessi fir-riforma tal-politika tal-agrikoltura Ewropea l-gdida.

Roselyn Borg Knight qalet li fil-passat Malta kienet ibbenefikat minn €1 miljun minn dan il-fond wara li fl-2003 kienu seħħew ħsarat kbar minħabba l-maltemp. Hija qalet li l-PN se jara li jkun ikkunsidrat ic-ċokon ta’ pajjiżna u li f’dawn il-każijiet Malta tkun tista’ tibbenefika.

Għalhekk Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza dawn l-anomaliji filwaqt li se jkun qed jagħmel pressjoni permezz tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), li huwa l-aħbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew. Roselyn Borg Knight qalet li jeħtieġ li l-Gvern iżomm kelmtu u jgħin lill-bdiewa li ġarbu l-ħsarat għaliex Malta għandha bżonn li tassigura provvista ta’ ikel bnin u lokali.

Fil-manifest elettorali tiegħu, l-Partit Nazzjonalista qed jimpenja ruħu li l-MEPs li se jiġu eletti f’ismu se jaħdmu biex isir l-aħjar użu mill-programmi tal-Unjoni Ewropea inkluż programmi ġodda bħal InvestEU għall-proġetti li għandha bżonn Malta u jassiguraw li l-Gvern Malti jalloka perċentwali mill-fondi Ewropej li tkun stabbilita direttament għal Għawdex.

Francis Zammit Dimech u Roselyn Borg Knight esprimew solidarjetà ma’ dawk kollha li fi Frar li għadda sofrew danni fuq il-propjetà privata tagħhom, mal-bdiewa li kellhom il-prodott tagħhom meqrud kif ukoll strutturi agrikoli bħal serer li tkissru jew ġarrbu ħsarat kbar, man-negozji speċjalment dawk li għandhom strutturi esposti għall-elementi, l-entużjasti tal-Karnival li ukoll sofrew id-danni kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra bħal dawk sportivi li setgħu ġarrbu ħsarat fil-faċilitajiet li jagħmlu użu minnhom. Huma rringrazzjaw lill-ħaddiema kollha f’dipartimenti varji li taw l-għajnuna tagħhom.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight kien hemm preżenti wkoll is-Sindku u kandidat għall-elezzjoni lokali f’San Ġwann Etienne Bonello Du Puis, il-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħal Qormi Jerome Caruana Cilia u l-kandidat għall-elezzjoni fil-Birgu Anthony Gellel.