Futbol Sport

Inter jistgħu jassiguraw posthom mal-ewwel erbgħa għada

Inter għandhom l-opportunità li jassiguraw posthom mal-ewwel erbgħa meta għada jilagħbu fi Stadio San Paolo f’konfront diffiċli kontra Napoli. Il-Partenopei assiguraw posthom fit-tieni post u se jfittxu tpattija sportiva wara li fl-ewwel rawnd kienu megħluba 1-0 lejn it-tmiem fi Stadio Giuseppe Meazza.

It-tim ta’ Luciano Spalletti ġej minn rebħa ta’ 2-0 kontra Chievo iżda dan ma naqqasx mill-ispekulazzjoni dwar il-futur tiegħu hekk kif qed jingħad li Antonio Conte jista’ jinħatar kowċ tat-tim. Fuq in-naħa l-oħra, teżisti spekulazzjoni dwar il-futur tal-captain tagħhom Lorenzo Insigne. Il-plejer Taljan flimkien ma’ Dries Mertens jirritornaw fl-iskwadra wara li tilfu r-rebħa fuq Spal filwaqt li Amadou Diawara, Vlad Chiriches, Nikola Maksimovic u Adam Ounas jinsabu mweġġa’. Għal Inter, l-unika plejer nieqes hu d-difensur Stefan de Vrij u Marcelo Brozovic kif ukoll Danilo D’Ambrosio jirritornaw minn sospensjoni.

Minbarra Inter, hemm Atalanta, Milan, Roma u Torino li qed jissieltu għal postijiet fl-Ewropa, b’Lazio assiguraw posthom fl-Europa League wara r-rebħ tal-Coppa Italia.

Atalanta għandhom test diffiċli fl-Allianz Stadium kontra ċ-champions Juventus. Atalanta ġejjin minn telfa fil-finali tal-Coppa Italia iżda dan ma jnaqqasx mill-istaġun pożittiv li kellhom. Issa li waslu f’dan l-istadju, Atalanta jridu jikkwalifikaw għall-ewwel darba f’din il-fażi. Juventus ma għandhomx pressjoni minħabba l-fatt li ilhom li assiguraw il-kampjonat u dan jista’ jgħin lit-tim ta’ Gasperini jikseb suċċess mixtieq.

Roma jilagħbu fil-Mapei Stadium kontra Sassuolo, konxji li għandhom bżonn rebħa bilfors biex jibqgħu jittamaw għal post fiċ-Champions League. It-tim ta’ Ranieri mhux megħlub fl-aħħar seba’ logħbiet iżda mhux l-istess jingħad għal Sassuolo li rebħa logħba biss mill-aħħar sitta. Din il-ġimgħa kienet karatterizzata mid-deċiżjoni li Daniele de Rossi se jħalli l-klabb fi tmiem l-istaġun.

Milan li jinsabu punti ndaqs ma’ Roma, jilqgħu lil Frosinone f’San Siro. Milan ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi kontra Bologna u Fiorentina li żammew lit-tim ta’ Gennaro Gattuso jittama. Fuq il-karta ż-żewġ logħbiet li fadlilhom huma possibbli li jintrebħu iżda matul l-istaġun, Milan waqqgħu diversi punti kontra timijiet żgħar. Frosinone huma diġà relegati u għalhekk bħat-tim relegat l-ieħor Chievo se jilagħbu l-aħħar żewġ logħbiet mingħajr pressjoni. Fl-aħħar ħames logħbiet, Frosinone kisbu biss punt.

Konfront importanti għaż-żewġ timijiet hu bejn Empoli u Torino. Empoli qed jissieltu biex isalvaw posthom filwaqt li Torino qed jippruvaw jidħlu fl-Europa League. Ir-rebħa ta’ Lazio fil-Coppa Italia tfisser li s-seba’ post li jinsabu fih Torino ma jfissirx post fl-Ewropa u għalhekk hu mitlub sforz ieħor mit-tim ta’ Mazzarri. Filwaqt li Empoli tilfu biss darba fl-aħħar sitt konfronti kontra Torino u ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi, it-tim ta’ Walter Mazzarri mhux megħlub minn nofs Marzu u jidher li għal dawn l-aħħar żewġ logħbiet se jkollhom lill-attakkant Andrea Belotti fl-aqwa forma.