Futbol Sport

Manchester City jegħlbu lil Watford bi skor tennistiku biex jiksbu tripletta domestika

(Ritratt: EPA)

Manchester City li ftit tal-jiem ilu ddefendew b’suċċess it-titlu ta’ Champions tal-Ingilterra, ġabu fix-xejn lil Watford b’rebħa ta’ 6-0 fil-finali tal-FA Cup li ntlagħbet f’Wembley Stadium biex b’hekk aċċertaw minn tripletta domestiku li jinkludi wkoll il- League Cup.

L-eroj indiskutibbli tas-Citizens f’dan it-trijonf tennistiku kien l-attakkant Ingliż Raheem Sterling li sar l-ewwel plejer li skorja tripletta fil-finali tal-FA Cup mill-1953. Dan waqt li t-tim immexxi minn Pep Guardiola kiteb paġna oħra storika meta sar l-ewwel tim Ingliż li rebaħ l-unuri domestiċi kollha fi staġun wieħed. Din kienet anki l-akbar rebħa fil-finali tal-FA Cup mindu Bury kienu għelbu lil Derby County 6-0 fl-1903.

Minkejja li City ħarġu għal din il-logħba bħala favoriti kbar, xorta kien mistenni aktar minn Watford, li spiċċaw umiljati għal kollox wara li tilfu ċans tad-deheb li jiksbu l-vantaġġ. Dan meta kmieni fil-logħba, Roberto Pereyra żgiċċa lid-difiża ta’ Man City u spiċċa wiċċ imb wiċċ ma’ Ederson, bil-gowlkiper jagħmel l-impossibbli u jimblokka x-xutt minn taħtu.

Watford, imbagħad, kellhom għajta għal penalty meta x-xutt ta’ Doucoure deher jaħbat ma’ id Vincent Kompany, iżda r-referee Kevin Friend ħalla l-logħob għaddej għaliex il-captain ta’ Man City kien qrib wisq tax-xutt u ma kellux ċans li jneħħi idu. Il-valanga tal-gowls bdiet fis-26 minuta meta David Silva spara ġewwa mill-viċin, bi Sterling jagħmilhom 2-0 qabel il-mistrieħ meta dawwar għal ġewwa x-xutt ta’ Gabriel Jesus.

Fit-tieni taqsima, Watford ippruvaw iwettqu rimonta iżda baqgħu vulnerabbli għall-kontrattakki tal-plejers veloċi ta’ City li sfruttaw tajjeb ħafna l-ispazji li bdew iħallu l-Hornets fit-tentattivi ddisprati biex jerġgħu jidħlu fil-logħba. Wara siegħa logħob kien imiss lil City li jżidu l-iskor meta Kevin de Bruyne ma żbaljax fuq l-assist ta’  Gabriel Jesus, biex seba’ minuti wara l-attakkant Brażiljan, żgiċċa n-nasba tal-offside u għaqqad il-poker għat-tim tiegħu.

Minn dak il-ħin, Watford ċedew l-armi għal kollox, bi Sterling jikteb ismu fil-kotba tar-rekords b’żewġ gowls oħra personali, fl-aħħar għaxar minuti. Il-ħames gowl ta’ Man City wasal fil-81 minuta meta l-attakkant Ingliż għeleb mill-ġdid lil Gomes fuq il-kross preċiż ta’ Bernardo Silva, bi Sterling jgħaqqad it-tripletta tliet minuti mit-tmiem biex issiġilla wirja brillanti miċ-Champions Ingliżi.

Raheem Sterling b’hekk, sar ir-raba’ plejer fl-istorja li skorja tripletta ġo finali tal-FA Cup. Intant, hu sar ukoll  l-ewwel plejer li sab ix-xibka tliet darbiet fil-finali tal-aktar cup tournament antik fid-dinja mindu rnexxielu jagħmel dan Stan Mortensen ta’ Blackpool 66 sena ilu. Dan kien is-sitt trijonf għal Man City fil-finali tal-FA Cup fl-istorja tal-klabb u l-ewwel wieħed f’din il-kompetizzjoni għal Pep Guardiola, li issa rebaħ sitt trofej mindu ħa r-riedni tas-Citizens fl-2016.

Ir-rebħa ta’ City tfisser ukoll li Wolves, li spiċċaw fis-seba’ post fil-klassifika tal-Premier League – se jilagħbu fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa League, fil-25 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awwissu.