Fi stqarrija maħruġa mill-President George Vella esprima s-sogħba tiegħu għall-iżviluppi fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil Lassana Cisse fid-9 ta’ April li għadda.
L-istqarrija ħarġet wara li aktar kmieni llum il-pulizija arrestaw żewġ suldati b’rabta ma’ dan il-każ.
Il-President fakkar li kulħadd huwa preżunt innoċenti sakemm ma jkunx instab ħati minn Qorti talĠustizzja. Hu qal li huwa ta’ dispjaċir kbir li l-persuni arrestati huma membri ta’ korp dixxiplinat u enfasizza li dan m’għandu bl-ebda mod jirrifletti fuq il-korpi dixxiplinati f’pajjiżna, fuq il-korrettezza talmembri ta’ dawn il-korpi, u fuq ix-xogħol siewi, u l-valuri ta’ lealtà u dedikazzjoni għas-servizz filkomunità li dawn il-korpi jħaddnu.
F’isem il-poplu Malti u Għawdxi, il-President wassal lill-komunità ta’ migranti u barranin f’pajjiżna, is-sentimenti sinċieri ta’ dispjaċir għall-qtil kiesaħ u biered ta’ persuna minn fosthom, u feriment ta’ oħrajn, u jassigurahom li dan l-att ma jirrapreżentax is-sentiment tal-poplu Malti u Għawdxi.
L-istqarrija tgħid li l-President jieħu din l-okkażjoni biex iwissi dwar il-perikli li jistgħu jwasslu għalihom il-kliem u lespressjonijiet fiergħa ta’ natura razzista, xenofobika, u estremista. Din il-lingwa ta’ mibegħda hija kundannabbli u m’għandha qatt issib postha fil-kultura Maltija. Il-President iħoss li okkażjoni bħal din għandha ġġegħielna nirriflettu bis-serjetà u fil-fond, u noħolqu djalogu sinċier dwar il-futur ta’ pajjiżna bħala komunità multietnika, multikulturali, u tolleranti.
L-istqarrija ttemm tgħid li pajjiżna għandu bżonn jassigura li nkomplu niżviluppaw f’ambjent seren fejn tirrenja s-sigurtà, listabilità, u l-prosperità għal kulħadd. Fl-aħħar nett il-President awgura li tirrenja l-kalma u li dan l-inċident ikrah iqarribna lejn xulxin, u mhux jintuża biex idaħħal firdiet fis-soċjetà tagħna.
//= $special ?>