Lokali

Tifkira u rikonoxximent lil Joseph Cassar Galea

L-Avukat Joseph Cassar Galea, pilastru tal-Partit Nazzjonalista fis-snin 60, se jibqa’ mfakkar għal dejjem fil-lokalità li tant ħabb u ħadem għaliha.

Dan hekk kif is-Sibt filgħaxija nkixfet tifkira f’ismu, u li fost oħrajn tfakkar kif qeda lill-poplu Malti meta fost l-oħrajn serva bħala deputat għal madwar 30 sena, kien ukoll Ministru u saħansitra serva bħala speaker tal-kamra.

F’attività ta’ rikonoxximent imtella’ mill-Partit Nazzjonalista f’Raħal Ġdid, il-Kap Adrian Delia sostna li kien wasal iż-żmien biex dan l-eroj jingħata aktar rikonoxximent ta’ ħidmietu lejn pajjiżna.

Avveniment li żgur spikka f’ħajjet Cassar Galea kienet it-traġedja tal-4 ta’ Diċembru 1964, meta l-ajruplan li kien fuqu Cassar Galea waqa’ fi xmara nfestata bil-kukudrilli fil-Guyana. L-avukat Cassar Galea, li kien fuq xogħol Salva mit-traġedja, għen lill-passiġġieri oħra li kienu miegħu u ħelishom mill-periklu.

F’ħajtu iżda mhux biss tispikka din it-traġedja iżda wkoll il-ħidma li wettaq f’Raħal Ġdid, u kif ukoll f’lokalitajiet oħra fil-qrib bħal Ħal Tarxien. Cassar Galea miet fl-14 ta’ Diċembru tal-1989.