Illum Valletta għandhom ċans li jagħmlu dak li għamlu Ħamrun Spartans 31 sena ilu. Jekk jirbħu llum il-Beltin jirbħu l-kampjonat u l-FA Trophy għal żewġ staġuni konsekuttivi.
Fis-17 ta’ Mejju 1987, Ħamrun Spartans rebħu l-FA Trophy għat-tielet darba fl-istorja tagħhom b’rebħa ta’ 2-1 kontra Sliema Wanderers. Huma temmew staġun mill-aqwa hekk kif għamlu doppjetta mingħajr ma sofrew l-ebda telfa. Din ir-rebħa kienet l-ewwel darba li Ħamrun għelbu lil Sliema waqt finali ta’ din il-kompetizzjoni.
Fatt interessanti kien li l-preżentazzjoni tat-trofew ma saritx f’Ta’ Qali iżda saret fil-Ħamrun. Dan wara li kienu nqalgħu xi inċidenti fis-sajf ta’ qabel u l-MFA kienet ħadet deċiżjoni li ma t-trofew ma jkunx preżentat f’Ta’ Qali. Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referee Charles Scerri f’dik li kienet it-tielet finali konsekuttiva tal-FA Trophy.

Ħamrun kienu fetħu l-iskor wara 17-il minuta b’daqqa ta’ ras preċiża ta’ Leo Refalo wara azzjoni mibdija fuq ix-xellug minn Alex Azzopardi u Michael Degiorgio. Huma rduppjaw fil-51 minuta meta kross ta’ Degiorgio kien imblukkat, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ Joe Zarb li fajjar xutt sabiħ u għamel l-iskor 2-0. Sliema daħlu fil-logħba fit-62 minuta b’xutt sabiħ fil-baxx ta’ Martin Gregory li għeleb lil Ian Leigh. Minkejja dan il-gowl, Sliema naqsu li joħolqu periklu serju biex Ħamrun għalqu staġun bla telfa.
Fit-30 ta’ April tal-1988, Ħamrun Spartans reġgħu lagħbu finali oħra iżda din id-darba kontra Floriana, bil-Ħamruniżi ħarġu rebbieħa 4-2. F’din l-okkażjoni wkoll Ħamrun u Floriana lagħbu finali għall-ewwel darba kontra xulxin. Għal Floriana din kienet l-ewwel dehra tagħhom fil-finali tal-FA Trophy minn kemm kien ilu li l-logħob beda jintlagħab fuq il-ħaxix ta’ Ta’ Qali. L-Ispartans kienu qed jilagħbu r-raba’ finali fl-aħħar sitt snin.
Għaddew biss disa’ minuti biex Ħamrun fetħu l-iskor. Barry Gallagher kellu ballun imblokkat u l-ballun spiċċa għand Michael Degiorgio li qassam lil Stefan Sultana li kompletament żmarkat għeleb lil David Cluett. Fis-26 minuta reġa’ kien Stefan Sultana li rdoppja wara li rċieva mingħand Leo Refalo.

Qabel il-mistrieħ l-iskor sar 3-0 meta wara free-kick ta’ Degiorgio, Gejtu Refalo spiċċa kompletament waħdu u skorja t-tielet gowl f’dik li dehret logħba faċli għalkemm Floriana fallew diversi opportunitajiet ta’ skor. Kmieni fit-tieni taqsima Gejtu Refalo għamilhom 4-0 wara ħarba tajba minn Ħamrun b’xogħol tajjeb bejn Degiorgio u Sultana.
Kien biss lejn it-tmiem meta l-kowċ ta’ Ħamrun Lolly Aquilina bidel lill-gowlkiper regolari Ian Leigh mas-sostitut Cutajar li Floriana skorjaw. Minn goal-kick qasir, Cauchi qassam lejn Jesmond Ciantar li skorja mill-viċin. Minuti wara, Gejtu Refalo biegħed parzjalment il-ballun minn fuq il-linja, bil-ballun jispiċċa għand JJ Aquilina li ma żbaljax.
//= $special ?>