Lokali

Żewġ suldati arrestati b’rabta mal-qtil ta’ immigrant

Il-Pulizija arrestat żewġ suldati żgħażagħ, li ilhom biss ftit żmien jaħdmu fi ħdan l-armata, b’rabta mal-omiċidju ta’ Lassana Cisse Souleyman u l-attentat ta’ qtil ta’ żewġ immigrant oħra.

Dan b’rabta mal-każ li seħħ fis-satra tal-lejl tas-6 t’April li għadda, fejn it-tliet immigrant kienu nstabu mixħuta fl-art fi triq imwarrba li tgħaqqad Ħal Far ma’ Birżebbuġa.

L-akkużati huma Francesco Fenech miż-Żejtun, li ngħaqad mal-armata fl-2018, u Lorin Scicluna minn Raħal Ġdid.

Kien fl-aħħar sigħat li l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali rnexxielha tasal għal wieħed mill-akkużati, li ammetta u kixef lil sieħbu. Kien hawn li bdiet tfittxija għat-tieni akkużat, li ġie arrestat ftit tal-ħin wara.

Il-Pulizija sabet ukoll kemm l-arma tad-delitt, kif ukoll vettura bajda tat-tip Toyota Starlet li kienet ġiet identifikata minn wieħed mill-vittmi, li kien spjega lill-Pulizija li persuna li ma għarafx sparat fuqu mill-vettura.

Jidher li l-akkużati nstabu wara li l-istess vettura nqabdet minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi.

Sfortunatament jidher li kienet konfermata wkoll waħda mit-teoriji oriġinali tal-investigazzjoni; li l-vittmi ma kinux jafu lill-akkużati u li l-każ hu wieħed motivat biss minn mibgħeda razzista.

Tant hu hekk li wieħed mill-akkużati saħansitra jista’ jaffaċċja akkużi relatati mal-hit and run li seħħ ftit ġimgħat qabel, meta żagħżugħ miċ-Chad sofra ġrieħi gravi.

Dan wassal għal kundanna kbira minn diversi persuni, fosthom il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li kkundanna kull forma ta’ razziżmu waqt li rringrazzja lill-Pulizija tal-ħidma tagħhom.

L-istess l-għaqdiet mhux governattivi aditur, JRS u l-Fondazzjoni Integra li fi stqarrija esprimew xokk għal din it-traġedja u wrew tama li l-arresti jġibu mqar ftit serħan lill-qraba tal-vittmi.

L-Aġenzija tar-Refuġjati tal-Ġnus Magħquda ddikjarat li hi ferm imħassba bil-fatt illi issa kien ikkonfermat illi dan kien qtil b’motivazzjonijiet razzjali.

Sadattant il-midja internazzjonali wkoll tat prominenza lil dan il-każ, b’diversi siti fosthom dawk Taljani bħal Rai News, l-Aġenzija tal-Ġurnaliżmu fl-Italja, Il Messaggero u l-ANSA lkoll ikunu fost dawk li nnutaw li dan jidher li kien każ ta’ razziżmu minn żewġ suldati.L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin, u ż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin. Il-Maġistrat Rachel Montebello qed tmexxi l-Inkjesta Maġisterjali.