Lokali

Adrian Delia b’viżjoni ċara u ta’ serħan il-moħħ

Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fil-kampanja għall-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej wassal politika ċara u mingħajr ambigwità fid-diversi aspetti tagħha.

1. Adrian Delia wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jaħdem mhux biss biex ħadd ma jaqa’ lura, iżda biex ħadd f’pajjiżna ma jkollu problema ta’ saqaf fuq rasu kif hawn fil-preżent bl-għoli tal-kirjiet.

Wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jiġġieled il-fenomenu tal-faqar li ġab il-Gvern ta’ Muscat f’pajjiżna tant li llum għandna eluf li jew qed jgħixu direttament fil-faqar, jew jinsabu fix-xifer tal-faqar.

2. Adrian Delia wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jkun protagonista favur il-protezzjoni u l-ħarsien tal-ħajja sa mill-konċepiment tagħha sat-tmiem naturali tal-ħajja.

Wiegħed li l-Partit Nazzjonalista, kuntrarjament għal dak li għamel u qed jagħmel il-Partit Soċjalista fejn fl-aħħar sentejn ivvota xejn inqas minn 16-il darba favur miżuri favur l-abort, jibqa’ jiġġieled kontra d-dħul f’pajjiżna tal-abort għaliex il-Partit Nazzjonalista hu favur il-ħarsien tal-ħajja.

3. Adrian Delia wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jkattar ix-xogħol u l-opportunitajiet f’pajjiżna filwaqt li nkunu aħna l-Maltin u l-Għawdxin stess li nibqgħu niddeċiedu dwar it-taxxa f’pajjiżna.

Wiegħed li kuntrarjament għal dak li jridu s-Soċjalisti Ewropej li jridu jeħdulna d-dritt li nibqgħu niddeċiedu aħna dwar it-taxxa f’pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista hu kommess jissielet kontra li Frans Timmermans isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea u jneħħilna minn idejna d-dritt tagħna li niddeċiedu aħna dwar it-taxxa. L-awtonomija li niddeċiedu aħna r-rata tat-taxxa hi kruċjali biex nattiraw l-investiment lejn Malta u għall-ħolqien tal-impjiegi b’pagi tajbin, b’mod speċjali għas-setturi l-aktar importanti għall-ekonomija tagħna bħall-gaming u s-servizzi finanzjarji.

4. Adrian Delia wiegħed lil-Partit Nazzjonalista jadotta politika ċara dwar l-immigrazzjoni fejn pajjiżna jkun ġust ma’ dawk li jixirqilhom il-protezzjoni, iżda jkun sod ma’ dawk li mhumiex eliġibbli li jidħlu f’pajjiżna.

Wiegħed li l-Partit Nazzjonalista hu lest li jkun aħrax ma’ min jipprova jisfrutta u jinqeda b’nies li huma vulnerabbli. Il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ favur id-drittijiet fundamentali tan-nies, u jrid jassigura li f’Malta jkun hawn immigrazzjoni bil-għaqal, bi pjan u li tkun ta’ ġid għall-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista, bl-impenn u l-kredibbiltà tiegħu, jista’ jġib ir-riżultati mill-Parlament Ewropew.

5.  Adrian Delia qal li fil-kamp tal-Edukazzjoni l-Partit Nazzjonalista għandu politika ċara… xejn ħdejn l-aqwa u l-aħjar għal uliedna ma jixraq lil uliedna u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jaħdem biex ikollna għalliema kuntenti u sodisfatti fil-post tax-xogħol tagħhom u sistemi ta’ tagħlim li jattiraw lill-istudenti biex mhux biss jistudjaw iżda jissoktaw għaddejjin bl-istudji tagħhom sa livell aktar avvanzati.

Wiegħed li kuntrarjament għal dak li qed jagħmel il-Gvern Soċjalista, il-Partit Nazzjonalista jagħmel analiżi serja tal-pjan strateġiku għall-early school leavers, biex verament jindirizza din il-problema. Sfortunatament sal-lum f’pajjiżna għandna t-tieni l-ogħla rata ta’ early school leavers, b’wieħed minn kull sitt student ma jkomplix jistudja wara s-sekondarja.

6.  Adrian Delia wiegħed li fil-kamp tas-saħħa wkoll xejn għajr l-aqwa u l-aħjar ma  jsir bil-pazjenti jkunu fiċ-ċentru ta’ kura personalizzata fi sptar li jerġa’ jkun fl-aqwa kundizzjonijiet tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista, fost l-oħrajn, jindirizza bis-serjetà l-problema tas-saħħa mentali biex ikunu indirizzati l-isfidi li jaffaċċjaw persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, flimkien mal-familji tagħhom. Hu inkwetanti l-fatt li tlieta minn kull għaxra biss li jbatu minn dipressjoni li jfittxu u jingħataw il-kura, bil-maġġoranza ta’ dawk il-persuni li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali ma jiħdux il-kura għaliha. Dan hu numru kbir wisq u hemm bżonn li jiġi indirizzat.