Lokali

Ian Borg jinqeda bil-kampanja għall-MEPs biex isaħħaħ il-pożizzjoni personali għat-tellieqa fil-Partit

Ħataf kull okkażjoni biex jimbotta l-interessi tiegħu, kienet x'kienet l-aġenda tal-Gvern u tal-Partit

Ministri, Membri Parlamentari u Delegati fil-Partit Soċjalistà huma urtati u rrabjati għall-mod kif aġixxa l-Ministru Ian Borg tul din il-kampanja elettorali għall-MEPs fejn ħataf kull okkażjoni biex jimbotta l-interessi tiegħu, kienet x’kienet l-aġenda tal-Gvern u tal-Partit.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li hekk kif tnegħdiet il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej bit-tema ‘Malta f’Qalbna’, il-Ministru Ian Brog intensifika l-kampanja personali tiegħu bl-iskop li jsaħħaħ il-possibbiltajiet tiegħu li jkun hu li jirbaħ it-tellieqa għal Mexxej tal-Partit Soċjalista.

Is-sorsi ta’ il-mument qalulna li fl-aħħar ġimgħat ta’ kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, Ian Borg beda jinvesti ħinu jsejjaħ konferenzi tal-aħbarijiet wara oħra u jagħmel żjarat lil proġetti infrastrutturali, inkluż il-bypass tal-Ħamrun u t-toroq residenzjali f’Ħal Balzan.

Iżda dan jidher li ma kienx biżżejjed. Dan l-aħħar Ian Borg iddeċieda li jibda jiddeffes f’konferenzi tal-aħbarijiet li teknikament ma jaqgħux taħt id-dekasteru tieghu. Eżempju ċar ta’ din l-istrateġija seħħ ftit tal-ġranet ilu meta Ian Borg iddeffes fi żjara lis-Santwarju tal-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati. Biex żgur jieħu l-mertu kollu hu, Ian Borg lanqas indenja ruħu jsemmi fuq Facebook lis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u kiteb: “Bix-xogħol li qed nagħmlu qed naraw li ngħinu lil din l-Assoċjazzjoni jkollha bini adegwat biex tkompli taħdem favur klieb abbandunati.”

Każ ieħor kien il-mod kif ħa l-mertu tal-grawnd tal-futbol u l-pitch tal-waterpolo f’Marsaskala li teknikament jaqgħu taħt is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Biex jiġġustifika l-indħil fi proġetti li ma jaqgħux taħt il-Ministeru tiegħu, Ian Borg kiteb fuq Facebook: “L-infrastruttura għalina mhix biss toroq, iżda anke proġetti li jwasslu lill-komunitajiet tagħna spazji miftuħa.”

B’din l-iskuża tefa’ għajnejh ukoll fuq proġetti li jaqgħu taħt il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, Josè Herrera billi ħadlu l-mertu kollu tal-proġett tal-Park Nazzjonali ta’ 450,000 metru kwadru f’Ta’ Qali u tal-ispazju miftuħ għall-familji u t-tfal f’Ħad-Dingli.

Dan l-aġir ma niżilx tajjeb fost esponenti fi ħdan il-Partit Soċjalista li ħassewh bħala disrispett fil-konfront ta’ kollegi tiegħu u ta’ Joseph Muscat.

“L-aqwa li jidher,” tenna delegat anzjan. Oħrajn ikkummentaw li Ian Borg “m’għandux rispett lejn xejn u lejn ħadd. L-aqwa li jilħaq l-għanijiet personali tiegħu.”

Inħass li dan l-aġir ma kienx f’waqtu speċjalment fl-isfond tal-petizzjoni varata ftit tal-ġranet ilu bl-isem “Joseph, Malta bżonnok” bl-iskop li tikkonvinċi lil Joseph Muscat jibqa’ fit-tmun tal-Partit.