Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fid-dritt tal-ħajja mingħajr l-ebda distinzjoni

Għalina l-ebda qtil ta' persuna umana m'huwa aċċettabbli

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fid-dritt tal-ħajja mingħajr l-ebda distinzjoni, u li jistħoqqilha kull protezzjoni, mit-tarbija fil-ġuf, saż-żgħażagħ, il-ħaddiema, l-anzjani, l-Maltin u l-Għawdxin u l-barranin.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fis-Siġġiewi bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li l-qtil ta’ Lassane Cisse f’Ħal Far kien xokkanti, għaliex kien bniedem bħal kull wieħed u waħda minnha. Huwa kkundanna b’mod kategoriku kull forma ta’ mibegħda, vjolenza u razziżmu, u qal li din mhix Malta li jrid hu għaliex dawn mhux il-valuri tal-Maltin li jhennu u li jimpurtahom. Dr Delia qal li rridu nitkellmu b’mod ċar li mhux se nittolleraw li pajjiżna jiġi assoċjat mar-razziżmu u għandna nibqgħu niddefendu l-valuri u l-morali.

Adrian Delia qal li huwa xokkanti li hemm żewġ suldati ta-Forzi Armati ta’ Malta li jinsabu arrestati b’konnessjoni ma’ dan il-qtil u huwa inkwetanti li dan jitfa’ dell ikrah fuq l-armata, li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma persuni dedikati. Huwa rringrazzja lill-membri tal-Forzi Armati li jipperikolaw ħajjithom biex isalvaw u jipproteġu l-ħajjiet tan-nies li jaslu f’pajjiżna u lill-membri tal-Korp tal-Pulizija li għamlu xogħolhom minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi u investiment min-naħa tal-Gvern. Adrian Delia qal li l-PN jrid li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti u mhux sempliċement investigazzjoni interna. Huwa qal li hija tal-mistħija li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru pprova jippolitiċizza każ bħal dan li huwa ta’ importanza nazzjonali. 

Delia qal li l-PN għandu pożizzjoni ċara u serja dwar l-immigrazzjoni, fejn inħarsu d-dritt tal-ħajja u d-drittijiet tal-bniedem, inkunu ġusti ma dawk li jixirqilhom il-protezzjoni, sodi ma dawk li mhux eliġibbli għall-protezzjoni u ħorox ma dawk li qegħdin jinqdew b’nies vulnerabbli. Huwa qal li m’hemmx x’tistgħaġeb mill-Gvern Soċjalista tal-fake news, li jipprova jpinġi feel good factor biex jgħatti kif is-Soċjalisti Ewropej jridu taxxa komuni madwar l-Ewropa u jeħdulna d-dritt li nibqgħu niddeċiedu aħna dwar it-taxxa, b’detriment serju għall-impjiegi u l-investiment speċjament tas-27,000 li jaħdmu fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju l-poplu għandu quddiemu ċ-ċans li jwassal il-messaġġ lill-Gvern Soċjalista li ma jimpurtahx sabiex ibiddel l-attitudni tiegħu.