Hekk kif ninsabu fi tmiem il-kampanja elettorali għall-elezzjon tal-Parlament Ewropew u dik tal-Kunsilli Lokali, fil-Partit Laburista kompliet tirranka kampanja oħra, dik għat-tmexxija minflok Joseph Muscat.
Tant hu l-każ li bdew jisħnu l-irjus fil-Partit Laburista, li l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne ma tilifx ħin biex jaċċetta l-istedina ta’ Xarabank biex imur fuq il-programm tant segwit minn Malta kollha. Dan minkejja li sorsi fil-Partit Laburista qed jgħidu li Fearne mar f’Xarabank kontra x-xewqa ta’ Kastilja.
Irrabjati għalih, ta’ Kastija għażlu li jibagħtu miegħu lill-kandidat għall-MEPs Miriam Dalli li hi wkoll il-favorita ta’ Kastilja biex tieħu post Joseph Muscat.
Hu sigriet magħruf li Fearne u Miriam Dalli ftit li xejn jaraw għajn m’għajn. Fil-fatt tul il-programm kollu t-tnejn bdew jaqbżu fuq xulxin. Kulħadd seta’ jara b’għajnejh kif Miriam Dalli ma bdietx tħalli l-aħħar kelma lill-Viċi Prim Ministru iżda kull darba żżid tagħha biex l-aħħar kelma tkun tagħha. Dan jidher li beda jurta sew lil Chris Fearne li kemm-il darba nqabad ikemmex wiċċu hi u titkellem Miriam Dalli.
Sadattant, biex jibagħtu lil Miriam Dalli ħalli ma tħallix lil Chris Fearne jieħu l-ispazju waħdu fuq Xarabank, ta’ Kastilja ħolqu pandimonju mal-kandidati l-oħra għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fost l-aktar li ħadha bi kbira kien l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant. Ta’ Sant qed jgħidu li Kastilja jridu jumiljawh billi jikber id-distakk bejnu u bejn Miriam Dalli. Fuq quddiem fil-kampanja ta’ Alfred Sant hemm Jason Micallef li jmexxi s-Super One. Fid-dibattitu li fih ħa sehem Alfred Sant, dawk li ġew mal-udjenza jappoġġaw lil Miriam Dalli telqu ’l barra malli beda jitkellem Alfred Sant. Dan wassal għal ġlied kbir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Issa li reġgħu bagħtu lil Miriam Dalli għat-tieni darba fuq xulxin, ta’ Sant ħaduha bi kbira wisq.
Ieħor li qed isabbat saqajh bir-rabja hu Cyrus Engerer li ppretenda li ta’ Kastilja jiffavorixxu lilu. Iżda jidher li l-fatt li hu għarus lis-CEO tal-Partit Laburista qed taħdem kontrieh minflok ma tgħinu. Dan għaliex kull darba li jgerger li qed jitwarrab jgħidulu li biex ma jidhrux li qed isir favoritiżmu miegħu. Iżda lil Miriam Dalli jiffavorixxuha bl-iżjed mod sfaċċat.
Dan qed ikompli jqajjem tensjoni kbira fil-kamp Laburista hekk kif ta’ Kastilja jafu li malli tgħaddi din il-kampanja tibda l-ġlieda vera; dik għat-tmexxija tal-partit.
Sadattant, deher evidenti ħafna kif il-Ministru Konrad Mizzi ma kien qiegħed jitlef l-ebda opportunità biex jidher fl-attivitajiet kollha tal-Partit Soċjalista, b’mod partikulari f’dawk li għalihom kien hemm preżenti l-Prim Ministru.
Barra minn hekk fil-jiem li għaddew ivvintawlu wkoll għadd ta’ żjarat f’postijiet fejn ix-xogħol jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu. Dan għaliex Konrad Mizzi wkoll irid li jieħu post Joseph Muscat u jinsab imħasseb li ta’ Kastilja se jitilquh biex jiffavorixxu lil Miriam Dalli.
Meta nhar is-Sibt jgħaddu l-elezzjonijiet, allura hu mistenni li l-Ministru Konrad Mizzi joħroġ aktar agressiv fil-kampanja tiegħu għat-Tmexxija tal-Partit. Hu bħalissa qed jaħdem biex jirbaħ id-delegati tal-partit li se jkunu l-ewwel li se jivvutaw fl-elezzjoni għat-tmexxija.
Ta’ madwaru jgħidu li mit-total ta’ delegati li għandu l-Partit Soċjalista, hemm faxxa fin-naħa t’isfel ta’ Malta li hi tiegħu u li għandu rasu mistrieħa minnha biex hekk ikun jista’ javvanza aktar f’din it-tellieqa.
Iżda l-kandidati l-oħrajn, b’mod partikulari Chris Fearne, ukoll qed jgħidu li għandhom il-punti b’saħħithom tagħhom u għalhekk l-isforzi li jridu jagħmlu huma jridu jseħħu b’mod partikulari bħalissa meta kull vot hu importanti. Ta’ Chris Fearne qed jenfasizzaw huma wkoll li hekk hemm distrett li fih huma b’saħħithom huma, allura dan jista’ jkun in-naħa t’isfel kollha ta’ Malta.
Hekk kif Konrad Mizzi u Chris Fearne jidhru t-tnejn li huma fuq quddiem ta’ din il-ġlieda, wieħed ma ridx jinsa jew jissottovaluta lill-Ewro Parlamentari Soċjalista Miriam Dalli li qed tagħmel minn kollox biex fl-elezzjoni tas-Sibt iġġib fix-xejn lill-eks Mexxej Soċjalista Alfred Sant.
Dawk madwarha qed imexxu l-kelma li Alfred Sant kien b’ruħu u b’ġismu kontra l-Unjoni Ewropea u anki llum hu kontriha, u għalhekk kif jista’ jkun kredibbli fl-Unjoni Ewropea? Għalhekk il-voti għandhom jingħataw lilha u mhux lil Alfred Sant li għadu jħaddan politika antika ta’ “Għajn għal Għajn; Sinna għal Sinna”.
Manuvri oħrajn minn taħt għaddej bihom il-Ministru Ian Borg, fejn il-karti tiegħu qed jilgħabhom billi jaħdem fuq il-proġetti tat-toroq, iżda anki hawnhekk hu qiegħed joħroġ dgħajjef ħafna b’diversi proġetti jaqgħu lura, ma jsirux tajjeb u għalhekk iridu jerġgħu jsiru, u wkoll bi proġetti oħrajn – bħal dak bejn San Ġwann u n-Naxxar li jidher li mhuma se jitlestew qatt.
Dawk kontra Ian Borg qed jaqbdu l-istess proġetti u jistaqsu: Jekk Ian Borg qed juri li mhux kapaċi jibni ftit toroq, allura aħseb u ara kemm hu kapaċi jieħu t-tmun tal-pajjiż f’idejh?
Biex tgħaxxaqa wkoll, issa Ian Borg jidher li għandu l-kuntratturi Maltin kontra tiegħu bis-saħħa, u dan għaliex dawn huma inkwetati li l-offerti kollha li qed joħorġu qed jingħataw lit-Torok u huma qed jitħallew jittewbu tant li fi żmien ftit ġimgħat oħra mhux se jkollhom xogħol ta’ toroq x’jagħmlu. Mhux l-ewwel darba li tisma’ kuntrattur jgħid li jħaddem ħafna Laburisti li se jkollhom il-vot f’idejhom meta jivvutaw it-tesserati.
//= $special ?>