Wara li l-Ħadd li għadda il-mument żvelat bl-aktar mod esklussiv il-manuvri li qed isiru biex il-kumpanija nazzjonali tal-ajru tkompli titkisser mill-Ministru Konrad Mizzi billi tinbiegħ it-Taqsima tal-Inġinerija tagħha lil xi ħadd barrani għall-prezz ta’ €30 miljun, mill-Ħadd stess bdew jissejħu laqgħat urġenti u bdiet ukoll kaċċa għal min seta’ ħareġ tali informazzjoni sensittiva.
Matul din il-ġimgħa l-Air Malta jew il-Ministeru ta’ Konrad Mizzi li hu responsabbli mill-Air Malta, ma lissnu l-ebda kelma dwar dak żvelat minn il-mument u li kemm-il darba jseħħ, allura l-kumpanija nazzjonali tal-ajru tispiċċa tiddependi fuq terzi kumpaniji biex tkun tista’ ta’ kuljum ittajjar l-ajruplani tagħha.
Ix-xamma tintenn wara din id-deal li qed tinħema fl-Air Malta tkompli tikber fil-perspettiva li jekk se ddaħħal €30 miljun u jkollha l-kotba tagħha jindikaw profitti għall-ewwel snin immedjati wara tali ftehim, imbagħad l-istess kumpanija se tkun qed tidħol għal spejjeż kbar għal dejjem biex tkun tista’ tingħata dan is-servizz li bħalissa qed tiġġestixxih hi stess.
Il-ħaddiema tat-Taqsima tal-Inġinerija huma urtati ħafna għal dawn il-manuvri minn wara daharhom għaliex s’issa ħadd ma kellimhom jew ikkonsultahom dwar dak li qed jinħema.
Madankollu l-ħaddiema jafu ben tajjeb li fl-aħħar xhur kompla jitnaqqrilhom sew ix-xogħol tagħhom u jingħata direttament lil ħaddiema oħrajn. Mhux biss, imma ħaddiema li rtiraw ma kenux sostitwiti b’ħaddiema ġodda.
Il-ħaddiema f’din it-Taqsima jafu ben tajjeb ukoll kif anki l-għoti tal-fuel lill-ajruplani llum sar isir direttament mill-ħaddiema tal-Enemed u mhux aktar minnhom li qabel kienu responsabbli huma għal dan ix-xogħol.
Dan l-istess fir-rigward tal-iċċekkjar tal-ajruplani qabel itiru li issa sar isir minn ħaddiema ta’ kumpanija oħra li jiddispeċċjaw huma l-ajruplan f’dak kollu li jkollu bżonn… xogħol ieħor li sa ftit ġimgħat ilu kien isir minnhom.
//= $special ?>