Lokali

Inawgurati faċilitajiet ġodda għall-iScouts tal-Mosta

Il-membri tal-iScouts tal-Mosta issa għandhom campsite u ċentru ta’ attivitajiet. Dan wara li tul dawn l-aħħar tliet snin, il-Mosta Scout Group kien impenjat f’xogħol biex jirranġa u jagħti wiċċ ġdid lill-batterija li kienet tintuża fi żmien l-Ingliżi.

Kien fl-2012 li l-grupp tal-iscouts tal-Mosta wera x-xewqa li din il-batterija li kienet mitluqa, tgħaddi f’idejn il-grupp biex tkun żviluppata u titgawda mill-grupp. Erba’ snin wara, fl-2016, il-Kunsill Lokali tal-Mosta mmexxi mis-Sindku ta’ dak iż-żmien, il-Membru Parlamentari Edwin Vassallo, għadda din il-batterija lill-iscouts.

Ir-riżultat tal-ħidma tal-iscouts tista’ titgawda issa mill-membri tal-grupp kif ukoll wieħed jista’ japprezza s-sbuħija ta’ dan il-post storiku.

Il-Ħadd filgħodu saret l-inawgurazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet, li tbierku mill-Arċipriet tal-Mosta Dun Bastjan Caruana. Saru ukoll xi diskorsi fosthom mid-Deputat Edwin Vassallo, mid-Deputat Alex Muscat, mis-Sindku attwali Keith Cassar, li kien ukoll wieħed mill-membri ta’ dan il-grupp u mill-Mosta Scout Leader Edward Vella.

L-attivitajiet komplew tul il-ġurnata kollha fejn kulmin attenda seta’ jesperjenza l-ħajja ta’ scout għal ftit ħin.