Iż-żgħażagħ Francesco Fenech ta’ 21 sena minn Marsaskala u Lorin Scicluna ta’ 22 sena minn Raħal Ġdid qed jirriskjaw sentenza ta’ għomor il-ħabs.
Dan wara li l-Ħadd filgħodu tressqu quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli mixlija bl-omiċidju tal-immigrant Lassana Cisse fuq bażi ta’ mibgħeda abbażi tar-razza, tqanqil ta’ mibgħeda razzjali, l-attentat ta’ qtil ta’ żewġ immigranti oħra kif ukoll il-hit and run fuq immigrant ta’ 17-il sena miċ-Chad fi Frar.
Akkużati wkoll bil-pussess ta’ senter fil-pubbliku, li għamlu użu minn vettura bla pjanċi tar-reġistrazzjoni kif ukoll b’sewqan perikoluż. Dan apparti akkużi ta’ qtil ta’ annimali, fosthom qtates u għasafar.
Scicluna qed ikun akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza preċedenti.
Iż-żewġ żgħażagħ wieġbu li mhux ħatja iżda ma saret l-ebda talba biex jinħelsu mill-arrest.
Dan kollu filwaqt li ż-żewġ żgħażagħ għandhom sal-ħin ta’ din il-kitba mhux sospiżi mill-Forzi Armati ta’ Malta.
//= $special ?>