Il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-MEPs u l-Kunsilli Lokali, li issa riesqa lejn it-tmiem tagħha, tibqa’ ttimbratha b’sensiela ta’ żelqiet goffi minn Joseph Muscat li wrew li Muscat, dwar ċerti suġġetti, hu kompletament dahru mal-ħajt
Meta fadal anqas minn ġimgħa mill-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej, wieħed jista’ jislet numru ta’ osservazzjonijiet dwar dak li esperjenzajna fl-aħħar tmien ġimgħat.
Filwaqt li wieħed jaqbel li kienet kampanja elettorali ċivili, wieħed jaqbel ukoll li din il-kampanja partikulari kienet karatterizzata wkoll minn numru ta’ żelqiet goffi li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat u li għal darba oħra kixfu kif dwar suġġetti importanti hu għal kollox dahru mal-ħajt.
1. Jevita dibattitu ma’ Adrian Delia u jwaqqaf il-Parlament
Għal darba oħra rajna lill-Prim Ministru Joseph Muscat jagħmel dak kollu possibbli biex jevita konfront ta’ diskussjoni dirett mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll fil-Parlament bil-Prim Ministru dahru mal-ħajt aġġorna l-Parlament għal wara l-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.
L-uniku konfront ta’ diskussjoni bejn iż-żewġ kapijiet ewlenin sa issa kien dak fil-programm ‘Xtra’, iżda mbagħad ma rajna l-ebda diskussjoni fuq programmi tal-Awtorità tax-Xandir jew fuq programmi oħrajn.
Anki fil-programm ‘Xtra’ Joseph Muscat deher diversi drabi skomdu u xejn relassat jiddiskuti ċerti suġġetti, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni deher kunfidenti ħafna, jaf xi jrid, b’viżjoni ċara għall-futur.
2. Ma kkundannax l-aggressjoni ta’ Alfred Sant: ‘Għajn għal Għajn; Sinna għal Sinna’
F’kampanja elettorali li wieħed jista’ jsejħilha mill-aktar ċivili fejn l-inċidenti kienu ftit li xejn u fejn il-Partit mexxew ‘il quddiem il-kampanja kif xtaqu huma, kienet għalkollox tistogħna d-dikjarazzjoni aggressiva ta’ Alfred Sant: ‘Għajn għal Għajn; Sinna għal Sinna’.
Mhux biss kienet dikjarazzjoni li ħasdet lil kulmin semagħha, imma kulħadd stenna lill-istess Joseph Muscat li jiddistakka ruħu minn tali kummenti li jfakkru lil kulħadd ukoll fl-istess dikjarazzjoni bosta snin ilu.
Alfred Sant, li f’din il-kampanja hu mwerwer li se jinġarr mill-kollega Ewro Parlamentari Miriam Dalli, għamel ħsara kbara lid-dehra tal-Partit Soċjalista li jipprova jipproġetta lilu nnifsu bħala modern u żagħżugħ.
3. Ixxokkja li jrid xogħol għall-Maltin u xogħol għall-barranin
Id-dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat li x-xewqa tiegħu hi dik li jara lill-Maltin jagħmlu ċerti tip ta’ xogħlijiet u lill-barranin jagħmlu xogħol ieħor ma niżlet tajjeb xejn.
Fuq it-televiżjoni – u ma reġax irrepetiha – Joseph Muscat qal li hu jara lill-Maltin jagħmlu ċerti tip ta’ impjiegi, iżda mbagħad fix-xemx f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u jiġru wara t-trakkijiet biex jiġbru ż-żibel, jara lill-ħaddiema barranin.
Din id-dikjarazzjoni kienet tikkontrasta ħafna ma’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li nsista li lill-barranin għandna bżonnhom f’setturi li jirrendu għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Fuq kollox Adrian Delia baqa’ jinsisti dwar x’viżjoni għandu Joseph Muscat dwar il-popolazzjoni ta’ pajjiżna li qed tikber bi 12,000 persuna kull sena. Għal dan kollu Joseph Muscat baqa’ b’fommu mitbugħ.
4. Ħeba li l-MEPs tiegħu vvutaw 16-il darba favur l-abort
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu politika ċara daqs il-kristall dwar il-kwistjoni tal-abort – fejn bl-aktar mod dirett u bla tlaqlieq jgħid li hu favur il-ħajja sa mill-konċepiment tagħha u allura kontra l-abort, Joseph Muscat jibqa’ joqgħod attent kif jitkellem.
Anzi, mhux biss, baqa’ jipprova jaħbi li tul din il-leġiżlazzjoni l-MEPs tiegħu fil-Parlament Ewropew ivvutaw xejn inqas minn 16-il darba favur miżuri li jinkoraġġixxu l-abort.
Dan il-Partit Soċjalista Malti – inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat – qatt ma jgħiduh, anzi jipprovaw jbellgħu r-ross bil-labra b’argumenti li jqanqlu aktar mistoqsijiet imbarazzanti għall-istess Prim Ministru Joseph Muscat.
Taħt argumenti diversi, Joseph Muscat qatt ma jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara dwar l-abort u d-dħul tiegħu f’Malta u bir-raġun għaliex il-Partit Soċjalista Ewropew li tiegħu l-Partit Soċjalista Malti hu membru, hu favur id-dħul tal-abort fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Għal Joseph Muscat din hi sikkina li taqta’ minn żewġ naħat… u allura kien evidenti ħafna l-body language tiegħu dwar dan is-suġġett f’din il-kampanja li qed nghaddu minnha.
5. Irredikola lill-Kastila
Żelqa kbira tal-Partit Soċjalista f’din il-kampanja kienet dik meta nhar il-festi tal-Ewwel ta’ Mejju Joseph Muscat uża l-Berġa ta’ Kastilja għall-manifestazzjonijiet partiġġjani. Dak kien żball strateġiku kbir li darras mhux biss lin-Nazzjonalisti u lil dawk kollha li m’għandhomx interess fil-politika, iżda anki lil-Laburisti serji li kapaċi jagħmlu distinzjoni bejn Gvern u Partit.
Dakinhar Joseph Muscat ħareġ mill-Berġa’ ta Kastilja għal fuq il-palk biex jindirizza lill-folla li kellu quddiemu u b’dak li għamel wasslilhom messaġġ qawwi u ċar li għall-Partit Soċjalista Malti kwalunkwe każin fl-ibliet u fl-irħula huma l-istess bħall-Berġa ta’ Kastilja għaliex hu ma hux kapaċi jagħmel distinzjoni bejn il-vesti tiegħu ta’ Prim Ministru u l-vesti tiegħu ta’ Mexxej ta’ Partit.
Din kienet żelqa kbira li tal-inqas fil-jiem ta’ wara wieħed stenna xi tip ta’ skuża jew apoloġija… li ma għamilx.
6. Il-Kunsilli Lokali mhumiex il-favoriti tiegħu
Id-data tas-26 ta’ April li għadda tibqa’ waħda importanti fl-istorja tal-Kunsilli Lokali meta Joseph Muscat ħarbitlu li l-Kunsilli Lokali mhumiex fost il-favoriti tiegħu.
Kienet dikjarazzjoni li wkoll ħasdet lil kulħadd, iżda Muscat – li għamel tali dikjarazzjoni fis-Swatar – qatt ma rtiraha u kliemu preċiż kien kemm f’għajnejh hu jara lill-Kunsilli Lokali żejda u żied li għalih il-Kunsilli qatt ma kienu “super-favoriti”.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Muscat tikkonferma kif dan il-Gvern, kemm fil-leġiżlatura li għaddiet u anki f’din, qatt ma ta lill-Kunsilli l-importanza li jistħoqqilhom.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista waqqaf il-Kunsilli Lokali biex jiddeċentralizza l-poter u jferrex il-poter, il-Partit Soċjalista fil-Gvern naqqrilhom minn dawn il-poteri, fosthom billi naqqrilhom ukoll mill-finanzi biex ikunu jistgħu jagħmlu ċerti proġetti fil-lokalitajiet tagħhom.
Mal-istess Sindki u Kunsillieri Maltin u Għawdxin tali dikjarazzjoni dwar il-Kunsilli Lokali niżlet ħażin ħafna għaliex il-messaġġ tiegħu kien ċar… hu ma japprezzax ix-xogħol li jsir f’dan ir-rigward.
7. Tmien Sindki fost 112-il Kunsillier mhux se jikkontestaw
Tul din il-kampanja elettorali ħareġ ċar ukoll il-fatt li diversi Sindki u Kunsillieri Laburisti huma għalkollox diżappuntati bl-atteġġjament tal-Prim Ministru u l-appoġġ li jagħtihom il-Gvern fil-qadi tad-doveri tagħhom fid-diversi bliet u rħula u dan issarraf fil-jiem li għaddew meta xejn inqas minn tmien Sindki Laburisti u ‘l fuq minn mitt Kunsillier iddeċiedew li ma jerġgħux joħorġu għal dawn l-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.
Muscat tul din il-kampanja elettorali naqas milli jindirizza dawn il-qasmiet fi ħdan il-Partit Soċjalista fejn Sindki u Kunsillieri Laburisti ma ngħatawx l-appoġġ li kienu qed jistennew fil-qadi ta’ ħidmiethom bl-iskop li jġibu l-lokalitajiet fejn joqogħdu aktar ‘il quddiem.
Quddiem din iż-żelqa ta’ Muscat li ma jagħtix l-appoġġ tiegħu lil dawn in-nies – u l-Kunsillieri jagħmlu xogħol ferm importanti ta’ volontarjat fil-lokalitajiet fejn jimmilitaw – bosta kienu dawk li ddarsu u fil-mitfuħ jew fil-magħluq osservaw li Muscat ma fihx ħajt għall-kenn.
8. L-għajta ta’ ‘Malta f’Qalbna’ iżda l-faqar qed jiżdied
Muscat f’din il-kampanja kellu kontra tiegħu wkoll is-slogan tal-Partit Soċjalista għal dawn l-elezzjonijiet… ‘Malta f’Qalbna’.
Dan għaliex fil-ġimgħat li għaddew komplew jikbru l-istejjer ta’ familji u individwi li qed jgħixu jew fil-faqar jew fix-xifer tal-ħajja. Persuni li mhumiex jgħixu b’saqaf fuq rashom minħabba li mhux qed ilaħqu mal-kirjiet esaġerati tal-akkomodazzjoni.
Persuni li m’għandhomx dħul biżżejjed biex jgħixu ħajja deċenti. Il-paga ma sservihomx sal-aħħar tax-xahar. Persuni ffaċċjati minn spejjeż ta’ mediċini qed ikollhom jiċċaħħdu mill-istess mediċini b’riskju kbir għal saħħithom.
Persuni li jkollhom jistennew xhur twal biex isirilhom intervent mediku fl-Isptar Mater Dei. Persuni li qed jirrealizzaw li wliedhom mhumiex ilaħħqu ma’ sħabu fil-bankijiet tal-iskola.
Sadattant Joseph Muscat jibqa’ gallarija quddiem din ir-realtà iebsa f’pajjiżna. Naturalment il-ftit jimpalaw il-ħafna u jieklu b’aktar minn ħalq wieħed… u l-kumplament tas-soċjetà tissielet biex tlaħħaq mal-ħajja iebsa.
9. Inqabad fl-appoġġ għal taxxa fil-pajjiżi kollha tal-UE
Joseph Muscat f’din il-kampanja nqabad ukoll fuq sieq waħda fir-rigward tat-taxxa u r-reazzjoni b’mod inġenerali hi li għalxejn Muscat joqgħod jitkellem u jiftaħar fuq l-investimenti għaliex jekk tgħaddi ta’ sieħbu Frans Timmermans u s-Soċjalisti Ewropej jimponulna taxxa komuni madwar l-Ewropa, l-impjiegi u l-investiment jispiċċaw fix-xejn.
F’din il-kampanja ħareġ ċar ħafna kif Muscat diġà wiegħed lil Frans Timmermans li l-MEPs eletti f’isem il-Partit Soċjalista Malti se jappoġġawh.
Dan ifisser li kull vot li nhar is-Sibt se jingħata lill-kandidati tal-Partit Soċjalista Malti hu vot għal Frans Timmermans, b’detrimenti għall-aktar setturi importanti tal-ekonomija ta’ pajjiżna bħall-gaming u s-servizzi finanzjarji, li joffru impjieg b’pagi tajbin lil eluf ta’ żgħażagħ u professjonisti.
Fl-isfond ta’ dan kollu l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hi waħda ċara: il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi lil Malta biex nibqgħu aħna l-Maltin li niddeċiedu aħna stess fuq it-taxxa fl-aħjar intress tal-impjiegi u l-ekonomija tagħna.
//= $special ?>