Futbol Sport

Andrè Schembri jħalli lil Apollon Limassol iżda mistenni jibqa’ jilgħab barra minn Malta

Il-plejer internazzjonali Malti Andrè Schembri ħabbar fuq il-profil tiegħu fuq il-facebook li se jħalli lil Apollon Limassol fi tmiem l-istaġun. Schembri li għandu 32 sena, lagħab mal-klabb Ċiprijott għal żewġ staġuni u kien parti integrali mit-tim li lagħab fil-fażi tal-gruppi għal żewġ staġuni konsekuttivi. Hu anki skorja kontra Atalanta fl-edizzjoni tal-istaġun li għadda.

F’kumment li għadda fuq il-profil fuq facebook, Schembri qal li Apollon kienu parti importanti minn ħajtu u anki jekk lagħab għal sentejn biss, iħoss li qisu kien żmien itwal. “Inħossni inkredibbilment fortunat li lagħbt ma’ Apollon fil-fażi tal-gruppi tal-Europa League. L-akbar dispjaċir hu li ma rnexxilinix nagħtukom dak li hu mistħoqq lilkom – it-titlu – li jien ċert li l-klabb se jerġa’ jikkompeti fil-futur.”

Andrè Schembri ilu jilgħab fix-xena internazzjonali mill-2007 meta kien mar il-Ġermanja biex jilgħab ma’ Eintracht Braunschweig u Carl Zeiss Jena. Hu kompla l-karriera f’diversi pajjiżi oħra fosthom mal-klabb Ungeriż Ferencvaros, il-Portugiżi Boavista u ċ-Ċiprijotti Omonia Nicosia. Fil-karriera tiegħu lagħab ukoll ma’ Austria Karnten fl-Awstrija, Olympiakos Volou u Panionios fil-Greċja u FSV Frankfurt fil-Ġermanja. F’pajjiżna hu lagħab ma’ Hibernians u Marsaxlokk. Sa issa għadu mhux magħruf fejn Schembri se jkompli jilgħab iżda jidher li l-għażla tal-attakkant Malti hi li jilgħab barra minn Malta.

Schembri rtira mit-tim nazzjonali Malti f’Novembru li għadda fi tmiem l-impenji ta’ Malta fil-UEFA Nations League. Hu lagħab 95 logħba u skorja tliet gowls.