Bologna huma matematikament salvi għal staġun ieħor fis-Serie A meta kisbu draw diffiċli iżda meritat fi Stadio Olimpico kontra Lazio. B’hekk huma jinsabu erba’ punti fuq Genoa b’logħba għat-tmiem. Għal Lazio, din il-logħba ma kelliex importanza kbira minħabba li bir-rebħ tal-Coppa Italia l-ġimgħa l-oħra, huma assiguraw post fl-Europa League filwaqt li ma kellhomx ċans li jiksbu post fiċ-Champions League.
Lazio fetħu l-iskor fl-14-il minuta meta Lucas Leiva għadda lejn JOAQUIN CORREA li bit-takkuna għamel spazju għalih u minn qagħda ideali għeleb lil Lukasz Skorupski. Bologna rnexxielhom idawru l-iskor fil-bidu tat-tieni taqsima. ANDREA POLI ġab id-draw fil-50 minuta b’xutt fuq l-ewwel lasta li ħasad lil Guido Guerrieri, biex minuta wara MATTIA DESTRO skorja t-tieni gowl wara li rċieva kross tajjeb ta’ Rodrigo Palacio.
Lazio ġabu d-draw fid-59 minuta b’xutt sabiħ ta’ BASTOS minn kważi tarf il-kaxxa li spiċċa fir-rokna. Iżda Bologna reġgħu marru fil-vantaġġ erba’ minuti wara meta minn korner, Destro rebaħ dwell u l-ballun spiċċa għand RICCARDO ORSOLINI li mill-kaxxa ż-żgħira għeleb lil Guerrieri. Madankollu għaxar minuti mit-tmiem, SERGEJ-MILINKOVIC SAVIC ġab id-draw bi free-kick mill-isbaħ.
//= $special ?>