Lokali

Għada jitkompla l-ġbir tal-voti minn Naxxar

Sal-Ħadd filgħodu fl-għases tal-pulizija kien għad baqa’ x’jinġabru kważi 48,000 dokument tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u aktar u kważi 102,000 dokument tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Mit-Tlieta sal-Ħamis li ġej dawk li għadhom ma ġabrux il-vot jistgħu jiġbru d-dokumenti tagħhom mill-Uffiċju Elettorali fin-Naxxar, dak li qabel kien it-Trade Fair Grounds.

It-Tlieta u l-Erbgħa l-ħinijiet tal-ftuħ biex tiġbor il-vot tiegħek min-Naxxar se jkunu bejn it-8am sal-10pm filwaqt li l-Ħamis mit-8am sa nofsilejl.

Il-Kummissjoni Elettorali qed tfakkar li d-dokument irid jinġabar personalment, u trid tiġi ppreżentata l-karta tal-identità jew ta’ residenza.

Intant it-Tlieta se ssir il-votazzjoni għal l-AEC’s li se jkun xogħol is-Sibt li ġej.

Bejn il-21 sat-23 ta’ Mejju se jitqassmu wkoll il-voti fid-djar lil dawk li għandhom xi diżabbilità jew għandhom problema ta’ mobbiltà.

Il-Ħamis se ssir l-elezzjoni fl-isptarijiet għall-pazjenti li sas-6pm tat-Tnejn se jkunu għadhom  pazjenti fl-isptarijiet ta’ Mater Dei, Karen Grech, Mount Carmel u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. L-elezzjoni se tkun għaddejja bejn is-7am u l-10pm.

Intant is-Sibt li ġej il-postijiet tal-votazzjoni se jkunu miftuha mis-7am sal-10pm.

IKummissjoni ħarġet ukoll struzzjonijiet għal dawk morda jew li ma jistgħux jistennew fil-kju biex jivvutaw. Persuni li għalqu l-75 sena u dawk li jinġiebu fuq stretchers jew mill-isptarijiet u djar tal-anzjani, għandhom jitħallew jaqbżu l-kju f’kull ħin mingħajr il-ħtieġa ta’ ċertifikat tat-tabib.

Persuni ta’ bejn is-60 u l-75 sena jitħallew jaqbżu l-kju bejn is-1.00 pm u l-5.00 pm.

Dawk il-persuni l-oħra li jkunu morda u ma jistgħux jistennew fil-kju jrid ikollhom ċertifikat tat-tabib biex jitħallew jaqbżu l-kju, u dan jistgħu jagħmluh biss wara s-1.00 pm.

Dawk il-persuni li jippreżentaw il-Karta tal-Identità Speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità jistgħu jaqbżu l-kju wkoll wara s-1.00pm mingħajr ħtieġa ta’ ċertifikat mediku.Tul il-jum l-istazzjonijiet Net TV u Net FM se jkunu qed jaġġornaw kontinwament lill-pubbliku b’kollegamenti diretti minn Malta u Għawdex