“Għandha tinħatar kummissjoni indipendenti li tistudja u tirrakomonda dwar l-ingagg ta rekluti godda fl-armata.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’San Ġiljan bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.
Adrian Delia rrefera b’mod għall-każ tal-arrest ta’ żewġ uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta akkużati bil-qtil ta’ immigrant u qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li ssir investigazzjoni indipendenti, awtonoma u trasparenti sabiex jiġi investigat jekk dak li seħħ setax jiġi evitat. Huwa qal li dawn huma l-mistoqsijiet li qegħdin jagħmlu n-nies u li qed jistennew it-tweġibiet. Adrian Delia rringrazzja lill-maġġoranza tal-uffiċjali tal-Forzi Armati li huma persuni serji u li jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw ħajjet ħaddieħor.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-rapport tal-Ombudsman dwar il-Forzi Armati, li kien speċifiku u ddeskriva l-proċess ta’ promozzjonijiet fl-armata bħala proċess ivvizzjat mill-bidu u li jgħatti u jiġġustifika deċiżjonijiet politiċi li kienu diġà ttieħdu. Huwa qal li l-ħatriet fl-armata kienu ħatriet politiċi u għalhekk anke r-responsabbiltà għandha tkun waħda politika. Adrian Delia qal li l-maggoranza tas-suldati u l-fizzjali huma nies qalbiena u tal-affari tagħhom u jixirqilhom ir-rispett sħiħ u l-mod kif ingħataw il-promozzjonijiet fl-armata weġġgħu fizzjali serji u ta’ rieda tajba ta’ kull kulur politiku u aġevolaw biss lil ftit magħżula u tal-qalba.
Adrian Delia qal li dan huwa ħtif serju ta’ istituzzjoni tant importanti għal pajjiżna li qed iwassal għat-tnawwir tagħha u dan meta l-Gvern Soċjalista ħataf l-istituzzjonijiet f’pajjiżna, inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-FIAU, l-MFSA, l-Qrati, u anke l-Armata. Huwa qal li fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, l-poplu għandu ċ-ċans li jwassal il-messaġġ lill-Gvern li jrid ibiddel l-attitudni.
//= $special ?>