Fil-pajjiż hawn problema kbira ta’ kriminalità, u dan joħroġ ċar mid-diversi każijiet li ġew irrappurtati fil-midja matul ġranet u x-xhur li għaddew. Filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat jiftaħar li Malta hija pajjiż sigur, in-nies fi djarhom u fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin ma jħossux li huma siguri, iżda jinsabu mħassba bis-sitwazzjoni ta’ impunità li teżisti llum fil-pajjiż, li hija konsegwenza ta’ deċiżjonijiet politiċi li ttieħdu fl-aħħar snin.
Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Kunsilli Lokali Robert Cutajar u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg u Michael Mercieca.
Beppe Fenech Adami qal li huwa ċar li l-Gvern Soċjalista qed jagħlaq għajnejh quddiem din il-problema ta’ kriminalità. Huwa qal li hu evidenti li f’pajjiżna teżisti l-kriminalità organizzata, bi problema kbira ta’ droga, fejn persuna tinqatel fit-triq sempliċement għaliex ta’ ġilda skura, fejn tinqatel ġurnalista, fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jirrifjuta li jinvestiga każijiet ċari ta’ korruzzjoni u fejn il-Gvern huwa aktar moħħu biex jaħtaf il-Qrati milli li ssir il-ġustizzja.
Robert Cutajar qal li din l-attitudni tal-Gvern Soċjalista tinsab ukoll fuq livell lokali, fejn abbanduna s-sigurtà fuq livell lokali. Huwa qal li l-Gvern Soċjalista dgħajjef ir-rwol tal-Kunsilli Lokali fil-ġlieda kontra l-kriminalità, fosthom bit-tneħħija tal-infurzar mill-Kunsilli Lokali kif ukoll b’għases tal-Pulizija li jinsabu magħluqin. Robert Cutajar qal li l-Gvern Soċjalista saħansitra vvota kontra l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li fil-lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex ikun hemm community policing. In-nuqqas ta’ sigurtà jinħass f’bosta bnadi mir-residenti f’diversi lokalitajiet, fosthom fil-Kottonera, li kif ammetta l-Prim Ministru Joseph Muscat stess, teżisti problema ta’ kriminalità.
Dione Borg qal li din is-sitwazzjoni hija riżultat ċar tal-ħtif politiku mill-Gvern Soċjalista tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna. Huwa qal li dan joħroġ ukoll mir-rapport tal-Ombudsman dwar is-sitwazzjoni fil-Forzi Armati ta’ Malta, u rrefera wkoll għall-ħtif politiku ta’ istituzzjonijiet oħra bħall-Korp tal-Pulizija, fejn kibret l-attitudni ta’ xejn mhu xejn.
Michael Mercieca qal li s-sens ta’ nuqqas ta’ sigurtà u impunità, jista’ jħalli impatt ukoll fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa qal li aħna rridu li pajjiżna jkun sigur fejn it-turisti u n-negozjanti jħarsu lejn pajjiżna bħala pajjiż sigur, fejn jistgħu jiġu u jkabbru n-negozju tagħhom.
//= $special ?>