Lokali

Ħames snin ta’ ħidma intensiva għall-poplu Malti u Għawdxi kollu

“Matul dawn l-aħħar ħames snin, ħdimt b’mod intensiv biex niddefendi l-interessi ta’ kull Malti u Maltija, Għawdxi u Għawdxija. Kienu ħames snin li fihom ħdimna biex nagħmluha aktar faċli għan-negozji li jużaw fondi Ewropej, biex neħħejna l-ispejjeż tar-roaming fuq il-mobiles, biex għamilna l-Ewropa aktar sigura, biex niddefendu r-reputazzjoni ta’ Malta mill-ħsara li saritilha, kif ukoll biex niddefendu l-valuri tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi.”

Dan qalitu l-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, waqt attività li organizzat fil-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta u li kienet indirizzata wkoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Roberta Metsola rringrazzjat lil dawk kollha li attendew, kif ukoll lil dawk l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li matul dawn il-ħames snin, għamlu kuntatt magħha. Hija qalet li matul dawn il-ħames snin, żammet kuntatt kontinwu mal-poplu Malti u Għawdxi: bi preżenza f’Malta u f’Għawdex kull ġimgħa, b’diversi attivitajiet kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, bi preżenzi fuq il-midja, kif ukoll bil-ftuħ ta’ uffiċini fil-Ħamrun Malta u l-Għarb Għawdex, li matulhom iltaqgħet ma’ diversi persuni.

Fid-diskors tiegħu, l-Kap tal-PN Adrian Delia rringrazzja lil Roberta Metsola għall-impenn, il-ħidma u d-dedikazzjoni tagħha kemm fir-rwol tagħha ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, kif ukoll fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. “Roberta qatt ma beżgħat mill-isfidi. Anzi, f’kull sfida li kellha quddiemha, ħadmet u rebħitha. Kienet strumentali fil-Parlament Ewropew biex tikseb riżultati konkreti għall-Maltin u l-Għawdxin. Inħares ‘il quddiem li nkompli naħdem id f’id ma’ Roberta għall-ġid tal-familji u n-negozji ta’ Malta u Għawdex,” qal Adrian Delia.

L-MEP Metsola rringrazzjat lil Adrian Delia għall-preżenza tiegħu u għal dak kollu li jagħmel għall-pajjiż, għall-appoġġ tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma tagħha. “Jien ma niddeskrivix nhar is-Sibt li ġej bħala l-aħħar pass. Anzi, niddeskrivieh bħala pass ieħor ‘il quddiem, biex fil-ħames snin li ġejjin, inkompli bil-ħidma tiegħi kif għamilt fl-aħħar ħames snin. Pero’ biex nagħmlu dan, hemm bżonn l-appoġġ tagħkom, u jien għandi fiduċja kbira li dan l-appoġġ jasal. Inwiegħed li l-appoġġ tagħkom se nkompli nsarrfu f’ħidma intensiva għall-poplu Malti u Għawdxi kollu,” temmet tgħid Roberta Metsola.