Lokali

Il-Partit Nazzjonalista bi 15-il proposta b’risq il-persuni b’dyslexia

Is-sistema edukattiva trid taħseb għall-bżonnijiet ta’ studenti li jbatu mill-kundizzjoni tad-dyslexia. Dan hu dak li titlob soċjetà li tgħożż il-ġustizzja soċjali fejn kull tifel jew tifla tirnexxi. Għalhekk fassalna proposti konkreti u kostruttivi sabiex niffaċilitaw il-ħajja ta’ persuni bid-dyslexia u naraw li tfal bid-dyslexia jirnexxu wkoll u jilħqu l-milja edukattiva tagħhom. Hekk qalu l-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Francis Zammit Dimech qal li d-dokument bil-proposti tħejja wara konsultazzjoni wiegħsa kemm f’Malta kif ukoll fil-Parlament Ewropew. Huwa qal li għandhom jingħataw riżorsi inclusion friendlylill-iskejjel kollha inkluż dawk tal-Knisja u privati, u li jkun offrut aktar taħriġ prattiku lill-għalliema u l-Learning Support Educators. Francis Zammit Dimech qal li skont statistika Ewropea, 10 % tal-istudenti fl-iskejjel f’Malta jesperjenzaw id-dyslexia u għalhekk hemm bżonn aktar għalliema speċjalizzati għaliex bħalissa hawn biss 19-il għalliem speċjalizzat f’dan il-qasam. Huwa qal li hawn bżonn ta’ investiment fuq teknoloġiji tal-lingwa b’mod partikolari tal-lingwa Maltija u li jkun iffaċilitat l-użu ta’ teknoloġiji bħal reader pens u laptops għaliex dawn jgħinu lill-persuni dyslexic fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Francis Zammit Dimech qal li se jkompli jaħdem biex jissaħħaħ iċ-charterEwropew tad-Dyslexia li nieda fil-Parlament Ewropew u li jmiss ma’ oqsma tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-ġustizzja.

Roselyn Borg Knight qalet li l-MEPs tal-PN se jappoġġjaw it-twaqqif mill-ġdid tal-Grupp ta’ Ħidma tad-Diżabilità fil-Parlament Ewropew li jittratta wkoll aspetti relatati mad-dyslexia. Hija qalet li hemm bżonn li jkun ipprovdut taħriġ, inkluż għal min jimpjega, sabiex niżguraw l-inklużjoni ta’ persuni bid-dyslexia fuq il-post tax-xogħol u l-bzonn li nżidu aktar għarfien fis-soċjetà u nħeġġu aktar professjonisti jitkellmu dwar id-dyslexia sabiex niżguraw li kulħadd, anke dawk bid-dyslexia, ikun aċċettat fis-soċjetà. Roselyn Borg Knight qalet li hemm ġenituri li jkollhom it-tfal dyslexic u ma jkunux jafu. Ghaldaqstant hemm bżonn iktar investiment fl-assessment tat-tfal. Saħqet ukoll li fil-kuntest ta’ riformi fl-edukazzjoni, li jibbażaw fuq continuous assessment għandu jkun rikonoxxut il-bżonn ta’ assistenza lit-tfal b’dyslexia anke waqt eżercizzji ta’ assessment u li jsir monitoraġġ aħjar tal-istudenti matul is-sena skolastika kollha u mhux waqt l-eżamijiet biss. Dan hu kruċjali għaliex kull student bid-dyslexia għandu l-bżonnijiet speċjali tiegħu. 

Francis Zammit Dimech u Roselyn Borg Knight irringrazzjaw lil dawk kollha nkluż il-ġenituri, l-għalliema u l-professjonisti, li jgħinu lit-tfal b’tant dedikazzjoni u ħila sabiex huma jirnexxu wkoll. 

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight kien hemm preżenti wkoll l-kandidata għall-elezzjoni lokali f’Ħal Luqa Elaine Camilleri Schembri, l-kandidat għall-elezzjoni lokali fil-Gżira Jeremy Cardona u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Tal-Pietà Josef Fitzpatrick.