Lokali

Jikkonferma li ħadd m’hu ser jerfa’ responsabilità politika

Ħadd mhu se jerfa responsabbilta’ politika gĦall-omiċidju ta’ Lassana Cisse, li nqatel minn żewġ żgħażagħ għal xejn b’xejn sempliċiment għax hu barrani.

Ikkonferma dan il-Prim Ministru Joseph Muscat, li t-Tnejn kien ippressat mill-ġurnalisti dwar dan il-każ u l-possibbiltà ta’ nuqqasijiet li setgħu wasslu għal din it-traġedja.

Iżda l-Prim Ministru kien mistoqsi dan wara li sar magħruf li wieħed mis-suldati kien reċidiv… imma baqa’ parti mill-Armata minkejja li l-Qorti mponiet fuqu diversi kundizzjonijiet.

Fir-risposta tiegħu Joseph Muscat inqeda b’każ ta’ tmien snin ilu li fih is-suldati li kienu akkużati, ma nstabux ħatja.

Iktar kmieni, anke l-Ministru Michael Farrugia kkonferma li hu mhux se jerfa’ l-ebda responsabbiltà politika minkejja li hu l-Ministru responsabbli mill-armata.

Sadattant il-Prim Ministru mhux talli ma kkundannax lill-Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu, Kurt Farrugia, li ippoliticizza din it-tragedja….iżda baqa’ jiddefendieh.

Dan wara li Farrugia, li jaħdem f’uffiċċju miegħu f’Kastilja, infexx f’attakk fuq il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Twitter.

Kurt Farrugia għamel dan l-attakk fl-istess waqt li l-Kap tal-oppożizzjoni Adrian Delia kien qed jikkundanna kull forma ta’ diskriminazzjoni u attakki fuq bażi ta’ razza.


Joseph Muscat iddikjara li dan il-każ nissel dispjaċir kbir fost il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.

U hekk kif għaddejja investigazzjoni interna fi ħdan l-Armata, il-Prim Ministru qal li m’għandux problema li l-Inkjesta tkun pubblikata.

S’issa l-Armata għadha ma ħabbritx min qed imexxi din l-inkjesta, ħlief sempliċiment li l-Bord ta’ Inkjesta hu ffurmat minn uffiċjali għolja fi ħdanha.