Sport Sport Ieħor

John Marmara jirbaħ kompetizzjoni tat-trap li saret fix-Shooting Range tal-Bidnija

John Marmara rebaħ l-M. Busuttil Builders Cup, avveniment li sar fix-Shooting Range tal-Bidnija. Din kienet waħda minn serje ta’ Mini Grand Prix li l-Federazzjoni Maltija tal-Isparar qed torganizza matul il-kalendarju tal-2019. B’kollox kien hemm tliet rawnds ta’ kwalifikazzjoni ta’ 25 plattina kull rawnd u wara ntlagħbu l-fażi finali. Stephen Vella spiċċa t-tieni segwit minn Rennie Deguara li kompla l-podju.

Is-sitt finalisti skont ir-riżultat ta’ kwalifikazzjoni kienu: Stephen Vella (66/75), Rennie Deguara (64/75), John Marmara (63/75), Raymond Micallef (60/75), Nicholas Carabott (59/75), Frank Scorfna (58/75). Nicholas Carabott kien eliminat l-ewwel wara li laqat 15-il plattina minn 25. Raymond Micallef spiċċa fil-ħames post b’total ta’ 20/30 biex Frank Scorfna kien eliminat fit-tielet rawnd minkejja li laqat il-ħames plattini tiegħu.

Rennie Deguara patta qares għat-tielet rawnd diżappuntanti li kellu biex temm fit-tielet post u b’hekk il-finali kienet kontestata minn John Marmara u Stephen Vella. Marmara laqat 7/10 kontra l-5/10 milquta minn Vella biex spiċċa b’total ta’ 38 plattina minn 50, plattina aktar minn Vella. Il-programm tal-Federazzjoni Maltija jkompli l-Ħadd li ġej fl-10.00am fit-trofew Brincat fis-Southern Shooting Club.

L-aqwa tiraturi fil-klassijiet rispettivi għalqu t-tliet rawnds ta’ kwalifikazzjoni b’dawn ir-riżultati:

Klassi A:Rennie Deguara (64/75), John Marmara (63/75), Nicholas Carabott (59/75)

Klassi B:Stephen Vella (66/75), Raymond Micallef (60/75), Frank Scorfna (58/75)

Klassi Ċ:Brian Zammit (55/75), Jason Magri (52/75), George Micallef (50/75)

Tags