Futbol Sport

Kroos ixejjen spekulazzjonijiet li seta’ jħalli lil Real Madrid

(Ritratt: EPA)

Toni Kroos xejjen spekulazzjonijiet li jista’ jħalli lil Real Madrid meta ffirma kuntratt ġdid sal-2023. Konsegwenza tal-istaġun deludenti li kellhom Real Madrid, diversi plejers kienu qed jissemmew li setgħu jħallu l-klabb biex jinbena tim ġdid, b’rapporti fil-media internazzjonali jgħidu li Kroos seta’ jħalli l-klabb biex iwitti t-triq għal xi akkwisti ġodda.

Iżda l-fatt li ffirma kuntratt ġdid jagħti sinjal li l-midfielder ta’ 29 sena jinsab fil-pjanijiet tal-kowċ Zinedine Zidane hekk kif il-Franċiż qed jipprova jibni tim b’saħħtu wara li spiċċaw il-kampjonat fit-tielet post 19-il punt wara Barcelona.

Kroos ingħaqad ma’ Real Madrid mingħand Bayern Munich fl-2014 u f’dawn il-ħames snin rebaħ 11-il unur fosthom tliet darbiet iċ-Champions League. Hu lagħab total ta’ 233 logħba mal-klabb. F’dan l-istaġun, Kroos lagħab 43 logħba u skorja gowl. Hu ma kienx utilizzat minn Zidane fit-telfa ta’ 2-0 li sofrew il-Ħadd f’darhom kontra Real Betis.