Lokali Saħħa

Mara terġa’ tispiċċa “homeless” u tingħata ultimatum mis-sid, li ried jirdoppjalha l-kera

Mara ta’ 36 sena ingħatat ultimatum minn sid il-post li hija tikri r-residenza tagħha mingħandu. Qalilha li fi żmien ġimgħa trid toħroġ mill-post li ilha tgħix fih għal dawn l-aħħar 10 snin. Hija diġa’ għaddiet mill-istess problema 12-il sena ilu u qed tibża’ li se terġa tispiċċa fit-triq.

Kollox seħħ meta sid il-kera talabha d-doppju ta’ dak li kienet tħallas mingħajr ma jsir ebda kuntatt, xi ħaġa li suppost tkopri ż-żewġ partijiet, u filwaqt li hu rrifjuta, li jsir kuntratt ġdid, iddeċieda li fi żmien ġimgħa titlaq il-barra.

Il-mara sa talbet lil sid il-post jekk tistax tixtri l-post, huwa qalilha li trid tħallsu fi żmien xahar, bl-għażla l-oħra tkun li tħalli r-residenza fi żmien ġimgħa. Hija ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tibda tfittex x’imkien ieħor. Kif inhuwa l-prezz tal-propjeta’ illum, il-prezz li talabha s-sid kien wieħed asorbitanti, u għalhekk ma kellha l-ebda triq oħra, ħlief li tispiċċa fil-kju twil ta’ nies li qed jistennew li jingħataw post mill-“housing”.

“Ma nixtieqx ngħaddi minn din it-trawma għax meta ma jkollokx dar fejn tgħix ma tħossokx moħħok mistrieħ u li għandek is-sigurta’. Hija qalet dan meta kienet qed titkellem mal-ġurnal The Times, fil-ħin li diġa’ kienet qed tippakkja ħwejjiġha u tara fejn se tmidd rasha.

Qalet li trid tieħu ħsieb ħwejjġek u tara x’tagħmel meta jiġri hekk u li moħħok qatt ma jista’ jkun fil-paċi għax trid tara kif se ssib post li jlaħħaq mal-budget tiegħek. Wara ġurnata xogħol qalet din il-mara, mhux xi ħaġa sabiħa li m’għandek imkien fejn tmur.

Din il-mara esperjenzat il-fatt li tkun “homeless” meta kienet telqet mid-dar tal-ġenituri tagħha meta kellha 18-il sena. Hija kellha problema ta’ dipressjoni u ansjeta’ għal ftit tas-snin iżda ma sabitx il-koperazzjoni u l-għajnuna minn naħa tal-familja tagħha. L-affarijiet tant marru ħażin li minbarra li ngħatat trattament mediċinali, xi ħadd kien ta l-parir li titlaq mid-dar ta’ ommha u missierha.

Hija kienet għamlet sitt snin tqattagħhom fix-xelters għall-“homeless”, fejn hemm ingħatat l-għajnuna biex issib impieg u li sabet tikri ħalli jkollha saqaf fuq rasha. Issa wara li għaddew 12-il sena qed terġa’ tħossha li b’xi mod falliet fil-ħajja tagħha.

Fil-fatt, mingħajr sapport minn naħa tal-familja tagħha, saħħitha reġgħet bdiet sejra lura, u l-ansjeta’ fuqha rritornat. Hija kompliet tgħid li diġa’ qed tpinġi lilha nniffisha torqod barra, fit-toroq, u dan anke meta tikkunsidra li f’dawn l-aħħar xhur ix-xelters spiċċaw kollha mimlijin. Lanqas torqod ma tista’ bl-inkwiet hija qalet.

Il-ġurnalista ta’ The Times, Sarah Carabott ikkuntattjat ukoll lid-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, li dan qalilha li s-soċjeta’ qed tersperjenza aktar qasmiet bejn is-sinjuri u l-foqra. Nies bi dħul baxx għaddejjin minn kriżi personali, wħud minn diffikultajiet mentali, l-anzjani u l-immigranti li qegħdin jiġu sfruttati, dawn flimkien ma’ oħrajn qegħdin isibu problemi biex ikollhom saqaf fuq rashom.

Gatt irrefera għall-fatt ukoll li numru ta’ persuni qegħdin imorru jgħixu mal-ġenituri tagħhom, membri tal-familja jew ħbieb, dan wara separazzjoni u divorzju, u li dan qed isir għax ma jistgħux ilaħħqu mal-kirijiet li dejjem telgħin u li lanqas ma jaffordjaw jixtru propjeta’.

Id-Direttur tal-Caritas qal ukoll li hemm żgħażagħ li qed jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom, għax dawn qegħdin jitgħasru il-barra mis-suq tal-propjeta’, u dan qed iwassal għal nuqqas ta’ kwalita’ tajba ta’ għixien u problemi psikoloġiċi.

Gatt qal li l-Awtorita’ għad-Djar qed tippjana li tibni aktar minn elf post, b’kera sussidjata’, madankollu biex dan jiġri jrid jieħu ż-żmien u li jaf ma jkunx biżżejjed biex jindirizza l-bżonnijiet. “Hemm persuni li ma jistgħux jagħmlu kuntratt fuq kiri ta’ post, minħabba li xi sidien ma jkunux iridu jagħtu kuntratt biex jirregolariżżaw il-kirja tagħhom. Riżultat ta’ dan, in-nies ikomplu jsofru minħabba li lanqas ikunu jistgħu japplikaw għas-sussidju tal-kera,” qal Gatt.